In-nixfa u r-riħ huma ż-żewġ ingredjenti diżastrużi li qed iħallu nirien kbar u ħerba fi gżejjer fil-Mediterran, b’mod partikolari f’Korfu, Palermo u Rodi fost l-oħrajn, liema gżejjer għandhom karatteristiċi kważi identiċi ma’ dawk ta’ pajjiżna.
Għalhekk, fl-eqqel tas-sajf iddominat minn temperaturi għoljin u riħ sħun, qed tiżdied l-attenzjoni fuq il-kampanja Maltija, hekk kif azzjonijiet żgħar jew nuqqas ta’ ħsieb jistgħu iwasslu għall-qrid ta’ siġar, ħaxix u numru ta’ ħlejjaq.
Dan apparti l-fatt li jekk wieħed iħares lejn x’qed jiġri f’bosta pajjiżi ġirien ta’ Malta, in-nirien fil-kampanja jistgħu ikunu wkoll ta’ periklu għan-nies, hekk kif eluf ta’ persuni ġew evakwati minn darhom filwaqt li nies oħra sfortunatament inqattlu minħabba dawn in-nirien.
Din il-gazzetta tkellmet mal-għaqda mhux governattiva, Malta Rangers Unit, li minkejja li ilha biss ftit żmien uffiċċjalment irreġistrata bħala għaqda mad-Direttorat tal-Għaqdiet Volontarji, qed ikunu proattivi sabiex jipprevjenu nirien fil-kampanja.
Kelliema minn din l-għaqda, Camilla Appelgren, spjegat lill-ILLUM li l-missjoni tal-għaqda hija sabiex issegwi u tipprevjeni reati kriminali ambjentali. Għalhekk, hija spjegat li minkejja s-sħana insapportabbli, l-membri tal-għaqda xorta waħda jagħmlu r-rondi tagħhom f’żoni protetti, fosthom żoni ta’ Natura 2000.
Fl-eventwalità li jinsabu nies għaddejjin b’attivitajiet illegali f’dawn iż-żoni, b’mod partikolari tisjir b’‘BBQs’, l-għaqda titfi n-nar dak il-ħin u tieħu l-passi meħtieġa biex anke jinfurmaw lill-Pulizija. Fil-fatt, hawn sar appell sabiex kemm jista’ jkun, wieħed jagħmel użu minn BBQ li jista’ jerġa’ jintuża, hekk kif permezz ta’ dawn, il-probabbilità li jinfirex xi nar fil-kampanja hija ferm inqas meta mqabbla ma’ dik ta’ BBQs li jintużaw darba biss.
Apparti dan, ma tkunx l-ewwel darba li r-Rangers isibu ħuġġieġa li xi ħadd ikun qabbad u titħalla’ mqabbda, fejn hawn ukoll isir rapport mal-Pulizija. Għalhekk, ir-Rangers jagħmlu rondi regolari f’diversi żoni, kemm f’dawk protetti fejn il-BBQs mhux permessibbli, iżda anke żoni fejn dawn jstgħu isiru, sabiex jiġi assigurat li kollox isir kif suppost u jonqos ir-riskju tal-ħsara.
Appelgren stqarret li ma tistax tidħol fid-dettall tax-xogħol li jagħmlu minħabba li dan huwa sigriet, sabiex ikun assigurat li jinqabdu l-persuni li jkunu se jwettqureati ambjentali jew li diġà għamlu ħsarat. Hija setgħet tgħid li f’ċertu postijiet, ir-Rangers ikunu qed jistaħbu biex jaraw jekk wieħed ikunx se jagħmel BBQ f’siti fejn dan huwa projbit, imbagħad jekk ikun il-każ, jgħidulu li dan ma jistax isir u jinfurmawh b’siti oħra fejn jista’ jagħmel hekk.
Apparti minn hekk, ir-Rangers jieħdu ħsieb ukoll li f’siti fejn din it-tip ta’ attività tista’ ssir, ikunu hemm sabiex jaraw li ħadd ma jabbuża u jarmi barra, jew f’każijiet oħra, jinfirex xi nar.
Intant, l-ILLUM tkellmet ukoll mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili dwar in-nirien fil-Mediterran, li kkonfermaw li huma attenti ħafna u lesti għall-eventwalità ta’ nirien fil-kampanja Maltija.
Hawn sar l-appell sabiex wieħed ikun risponsabbli u qatt ma jarmi loqom tas-sigaretti barra, b’mod speċjali f’dan iż-żmien, hekk kif l-iżgħar ġamra tista’ tfisser qerda totali għall-kampanja Maltija u periklu kbir għal numru ta’ speċi, u anke nies.