Il-Membru Parlamentari Laburista Chris Agius inħatar bħala ċ-Chairman ta’ Yachting Malta mill-Ministru Aaron Farrugia. Din hija partnership pubblika-privata li ġiet stabbilita fl-2015 bejn il-Gvern u r-Royal Malta Yacht Club.
B’hekk, Agius isir ir-raba’ Chairman ta’ Yachting Malta. Huwa ħa l-post li sar vakanti hekk kif l-eks chairman Jonathan Borg ħalla l-pożizzjoni wara li ġie maħtur bħala Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta mill-Ministru Farrugia.
Agius ilu jservi fil-Parlament għall-aħħar 27 sena, mis-sena 1996. Huwa kien maħtur bħala Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni u Sport fl-2013. Fl-2017, huwa ġie maħtur bħala Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Propjetà. Meta Robert Abela sar Prim Ministru, huwa nħatar bħala Segretarju Parlamentari għall-Artijiet u l-Kostruzzjoni.
Madanakollu, Abela għażel li ma jinkludix lil Agius fil-Kabinett wara r-rebħa elettorali tal-2022.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Yachting Malta Micheal Mifsud qal li, “Il-Bord tad-Diretturi u t-tim ta’ Yachting Malta jilqgħu il-ħatra tal-Onorevoli Aguis bħala Chairman u jinsabu fuq ix-xwiek sabiex jaħdmu miegħu, f’dak li hu żmien eċitanti għal Yachting Malta u l-elementi varji tal-industrija tal-Yachting.”