32-il fekruna l-komuni jfaqqsu fir-Ramla l-Ħamra
L-iskavar tal-bejta sar minn voluntiera ta’ Nature Trust Malta taħt is-superviżjoni ta’ vet
More in Socjali
L-iskavar tal-bejta sar minn voluntiera ta’ Nature Trust Malta taħt is-superviżjoni ta’ vet
32 fekruna faqqsu minn 88 bajda li kien hemm f’bejta fir-Ramla l-Ħamra f’Għawdex.
48 siegħa wara li dawn ġew innotati li qiegħdin ifaqqsu, tul tmiem il-ġimgħa li għadda, voluntiera ta’ Nature Trust Malta skavaw il-bejta taħt is-superviżjoni ta’ vet ikkwalifikat. Il-vet ikkonferma li mit-88 bajda li kien hemm, 40 ma kienux iffertilizzati, filwaqt li 8 oħra ma faqqsux.
Il-bejta nstabet lura fit-18 ta’ Ġunju, meta voluntiera nnotaw marki ta’ fekruna tul il-bajja li jindikaw li kapaċi jkun hemm bejta. Hekk kif dan ġie vverifikat, immedjatament ittieħdu miżuri sabiex tiġi protetta ż-żona. Meta ż-żona nħakkmet minn irwiefen qawwija aktar kmieni dan ix-xahar, voluntiera dawwru ż-żona b’xkejjer tar-ramel sabiex il-bejta tkun protetta.
Din hija t-tieni bejta li nstabet Malta dan is-sajf, bl-oħra tkun dik li nstabet il-Ġnejna fil-25 ta’ Ġunju. Is-sena l-oħra, waħda biss ġiet innotata, fir-Ramla l-Ħamra stess, iżda minn din ma faqqsux fkieren minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp.
It-tip tal-fkieren huwa dak ta’ Caretta caretta (Loggerhead Turtle), magħrufa bħala l-fekruna l-komuni, li huma fkieren li jgħixu fit-tul u li jinstabu f’żoni ta’ klima tropika jew sħuna. Din hija speċi li hija protetta, kemm mill-liġi lokali kif ukoll internazzjonali. Li wieħed jaqbad, joqtol jew ibigħ din l-ispeċi, inkluż il-bajd, jew inkella li jiddisturbahom, huwa pprojbit.