Qorti żammet mara taħt arrest preventiv wara li din ġiet mwaqqfa waqt li kienet qed issuq mingħajr liċenzja jew assigurazzjoni, bi ksur ta’ curfew impost mill-qorti, waqt li kienet fuq pleġġ għal akkużi ta’ serq bl-armi.
L-Ispettur Gabriel Kitcher akkuża lil Miyem Milal Ali ta’ 21 sena minn Ħaż-Żabbar li wettqet ksur intenzjonat tal-kundizzjonijiet tal-pleġġ war li kienet ingħatat il-ħelsien mill-arrest f’Lulju 2023. Kif ukoll li saqet karozza mingħajr liċenzja tas-sewqan jew polza tal-assigurazzjoni.
Il-mara kienet mixlija wkoll li saqet karozza mingħajr il-permess ta’ sidha u li tat dettalji foloz lill-pulizija.
Kitcher spjega li l-mara kienet akkużata f’każ ieħor u kienet ingħatat il-libertà proviżorja fuq diversi kundizzjonijiet, fosthom li tosserva curfew. Ali kienet tressqet il-Qorti l-aħħar fi Frar tal-2023, flimkien ma’ oħrajn, b’rabta ma’ sensiela ta’ serq.
L-Ispettur Kitcher spjega li waqt spezzjoni ta’ triq f’Ħaż-Żabbar, huwa kien għamel sinjal biex il-karozza li kienet qed tinstaq minn Ali tieqaf. Iżda dan ma waqfitx mas-sinjal, peró waqfet ftit wara b’waqfa ta’ ‘handbreak’, iddeskriva l-ispettur.
L-uffiċjali għarfu li x-xufiera kienet l-imputata, li regolarment tiffirma bail book fl-għassa ta’ Ħaż-Żabbar. Il-ħin ġie nnutat li kien l-10:30pm, nofs siegħa wara curfew stipulat mill-qorti bħala parti mill-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tagħha.
Meta l-uffiċjali tal-pulizija kienu talbuha tagħti n-numru tal-karta tal-identità tagħha, il-mara kienet ipprovdiet numru li kien jappartjeni għall-passiġġier tagħha. Din lanqas kellha liċenzja tas-sewqan u għalhekk Ali ttieħdet taħt arrest.
Ali, li qalet lill-Qorti li kienet taħdem bħala manager, wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha.
L-avukat difensur Brandon Kirk Muscat talab lill-qorti biex il-klijenta tiegħu tinħeles fuq garanzija.
L-Ispettur Kitcher oġġezzjona, u sostna li Ali tinstab barra bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-pleġġ imposti mill-qorti kien biżżejjed biex tiġi arrestata, “aktar u aktar meta ma tkunx liċenzjat jew assigurat biex issuq u tkun qed tittrasporta passiġġier, u mbagħad tagħti dettalji foloz lill-pulizija. ”
L-ispettur kompla jgħid li dan juri li l-imputata ma kinitx interessata li tibdel il-modi tagħha u ma kinitx affidabbli.
Muscat sostna li ma kien hemm l-ebda attentat ta’ tbagħbis tal-provi min-naħa tal-imputata, li kellha wkoll tifel ta’ 4 snin li kien jiddependi minnha.
Il-qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest, u ddeċidiet li l-mara ma setgħetx tipprovdi garanziji suffiċjenti lill-qorti, li ma kinitx konvinċenti li din kienet se timxi mal-kundizzjonijiet li timponi l-libertà proviżorja.