Persuni li huma involuti fil-każ ta’ frodi tal-benefiċċju soċjali ser jingħataw maħfra presidenzjali bil-patt u kunduzzjoni li jroddu lura l-flus li ħadu, u jsegwu xi kundizzjonijiet.
Fi stqarrija, il-Gvern saħaq li ebda maħfra ma tgħodd għal min allegatament kien l-artefiċ, promotur jew istigatur wara l-irregolaritajiet. Barra minn hekk intqal li meta l-Uffiċju tal-Prim Ministru ġie informat bl-akkużi, dawn kienu rraportati lill-Pulizija.
Minn naħa tiegħu l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon ħatar bord li ser jwettaq evalwazzjoni dwar il-proċess tal-applikazzjonijiet għall-assistenza għal diżabilità severa. Il-bord ikkonkluda l-inkarigu tiegħu fl-14 ta’ Marzu 2024, u ppreżenta r-rapport flimkien ma’ numru ta’ rakkomandazzjonijiet.
Il-Kabinett tal-Ministri ta parir lill-President ta’ Malta biex jevalwa d-dettalji dwar diversi pagamenti ta’ benefiċċji soċnali, speċjalment dwar individwi li qed jiffaċċjaw sfidi tas-saħħa. Huma pproponew soluzzjoni barra mill-isfera tas-sistema tal-ġustizzja kriminali, u ssuġġerew maħfra għal dawk li rċevew pagamenti b’mod leġittimu iżda li huma ineliġibbli, esklużi dawk implikati bħala awturi, promoturi, jew instigaturi ta’ reati.
Ir-rakkomandazzjoni ġiet preżentata lill-President ta’ Malta Myriam spiteri Debono li qablet mar-rakomandazzjonijiet u għalhekk 2024 bis-saħħa tas-setgħat mogħtija lilha bl-Artikolu 93 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, ordnat li tingħata l-maħfra taħt il-kundizzjonijiet imsemmija.
Il-Kabinett tal-Ministri rrakkomanda lill-President ta’ Malta illi din il-maħra tingħata biss taħt diversi kundizzjonijiet:
A. illi l-persuni konċernati li jkunu eliġibbli għal din il-maħfra jippreżentaw talba bil-miktub lid-Direttur tas-Sigurtà Soċjali fejn jikkonfermaw illi huma jixtiequ jibbenefikaw minn din il-maħfra u jagħtu t-tagħrif fattwali kollu lid-Direttur tas-Sigurtà Soċjali li jkun jinħtieġ mingħandhom dwar it-talba tagħhom;
B. Illi l-persuni konċernati li jkunu eliġibbli għal din il-maħfra jħallsu lid-Direttur tas-Sigurtà Soċjali l-ammonti kollha miksuba minnhom mingħajr ma kienu eligibbli ghalihom flimkien ma’ dak l-ammont ta’ spejjeż amministrattivi li jiġi stabbilit fid-diskrezzjoni tad-Direttur, jew jilħqu ftehim validu u bil-miktub mad-Direttur tas-Sigurtà Soċjali dwar kif se jħallsu lura l-ammonti miksuba minnhom indebitament u l-imsemmija spejjeż amministrattivi;
C. Illi d-Direttur tas-Sigurtà Socjali jikkonferma bil-miktub illi l-persuna konċernata tkun issodisfat il-kundizzjoni B;
D. Illi d-Direttur tas-Sigurtà Socjali jressaq lill-Kummissarju tal-Pulizija l-konferma msemmija fil-paragrafu C u l-Kummissarju tal-Pulizija jgħaddi dik il-konferma lill-Ministeru għall-Ġustizzja sabiex ikun jista’ jikkonferma l-ħruġ tal-maħfra lill-applikant;
E. Illi l-għoti ta’ maħfra lil xi persuna skont din il-Proklama m’għandu bl-ebda mod jiġi interpretat bħala li qiegħed jeżenta lil xi persuna li tkun ibbenefikat mill-maħfra milli tixhed u tgħid is-sewwa, is-sewwa kollu u xejn ħlief is-sewwa kull meta tkun imħarrka jew meħtieġa skont xi liġi li tixhed dwar iċ-ċirkostanzi kollha li wasslu għall-ħlas indebitu tal-benefiċċju soċjali li dwaru tkun inħarġet maħfra, fi proceduri kontra haddiehor.
F. Il-maħfra tkun irtirata u għandha titqies li qatt ma ngħatat jekk il-benefiċċjarju jirrifjuta li jixhed jew jonqos milli jagħti xi depożizzjoni mitluba minnu skont il-liġi jew jekk jirriżulta illi f’xi depożizzjoni l-benefiċċjarju ma jkunx xehed is-sewwa, is-sewwa kollu u xejn ħlief is-sewwa;
G. Illi din il-maħfra tapplika biss għall-persuni li rċevew l-imsemmija benefiċċji mingħand id-dipartiment tas-Sigurtà Soċjali; u ma tapplikax għall-persuni li kienu l-artefiċi, il-promoturi jew l-istigaturi tar-reati koperti minn din il-maħfra, lanqas f’dik il-parti fejn huma setghu wkoll ircevew xi beneficcju socjali ndebitament;