Inawgurat spazju miftuħ għal-kunċerti fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali
B’investiment ta’ €16 miljun, iż-żona ġiet trasformata f’ċentru rikreattiv vibranti għall-familji u avvenimenti kbar
More in Kronaka
B’investiment ta’ €16 miljun, iż-żona ġiet trasformata f’ċentru rikreattiv vibranti għall-familji u avvenimenti kbar
Il-Prim Ministru Robert Abela żvela edizzjoni ġdida ta’ spazju miftuħ fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali.
Waqt l-inawgurazzjoni l-Prim Ministru qal “stajna ġejna hawn u ninawguraw fabbrika iżda filwaqt li l-investiment f’setturi ekonomiċi huwa importanti u jrid ikun hemm fil-post it-tajjeb, daqstant ieħor irridu ninvestu fi proġetti bħal dawn li jagħtu ħajja aħjar lill-familji”.
Waqt id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru tkellem fuq it-trasformazzjoni ta’ żona li darba kienet mifnija minn produzzjoni tal-konkrit u rimi illegali ta’ skart f’ċentru rikreattiv vibranti għall-familji u avvenimenti kbar, grazzi għal investiment ta’ €16 miljun.
Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonnet enfasizza d-dedikazzjoni bla waqfien tal-gvern għal bidla progressiva mmirata lejn it-titjib tal-ambjent tal-għajxien u tax-xogħol.
“Dan il-proġett jinkorpora d-dedikazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli filwaqt li jiżgura li l-futur kollettiv huwa mibni fuq il-prinċipji tal-innovazzjoni, ir-responsabbiltà u l-inklussività. Dan il-proġett huwa xhieda ta’ Gvern iddedikat għall-progress u t-titjib tas-soċjetà,” irrimarka l-Ministru Bonett.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, qal li jħares ‘il quddiem biex jara l-Maltin u l-Għawdxin igawdu dan il-post u jemmen li dan se jkun post ideali fejn it-tfal, iż-żgħażagħ, familji u l-anzjani Maltin u Għawdxin jiġu jirrilassaw.
Il-Kap tat-Taqsima tal-Park Nazzjonali ta’ Malta f’Ta’ Qali Jason Micallef spjega kif iż-Żona għall-Kunċerti u park rikreattiv ġdid għall-familji jżid mal-kullana ta’ spazji ħodor ġodda fil-Park Nazzjonali ta’ Malta f’Ta’ Qali li jallinja mal-viżjoni u l-pjan li f’Ta’ Qali titwettaq l-akbar riġenerazzjoni fuq spazji ħodor f’pajjiżna.