L-eks Prim Ministru Laburista Duminku Mintoff mistenni jirritorna fiċ-ċinemas lokali, din id-darba għal produzzjoni tal-Għaqda Duminku Mintoff li ħarġet bosta kotba dwaru fl-aħħar xhur.
Skont il-produzzjoni tal-film, dan se jkun twil madwar sagħtejn u se jkopri l-ħajja ta’ Mintoff mit-twelid sal-mewt.
Josef Grech, il-moħħ wara din l-Għaqda li mhix rikonoxxuta mill-Partit Laburista, wiegħed li se jkun hemm “affarijiet ġodda li qatt ma ġew żvelati u filmati li qatt ma dehru fil-pubbliku.” Barra dan mistenni jkun hemm bosta intervisti ma’ nies li ħadmu qrib tiegħu tul iż-żmien.
Iżda mistoqsi fejn se jintwera dan il-film, Grech qal li għadhom għaddejjin bl-arranġamenti u d-diskussjonijiet mas-swali taċ-ċinemas lokali.
“Issa sta għal dawk li jaċċettaw u mhux jagħlqu il bieb għal din il-ġrajja,” jissokta jgħid Grech.
Il-film huwa miktub mill-istess Josef Grech, b’mużika ta’ Jesmond Grixti, li hu lecturer f’università Awstraljana.
Għal darb’oħra, dan il-proġett tal-Għaqda Dom Mintoff mhuwiex approvat mill-familja Mintoff jew mill-Partit Laburista, iżda Grech jiddefendi ruħu jgħid li ma kienx hemm bżonn ta’ din l-approvazzjoni.
“Il-film m’għandu bżonn l-ebda approvazzjoni, għax mhux se jirrakkonta xi storja falza jew ħrafa. Se juri biss dak li verament seħħ, allura il-film fih biss dawk li huma fatti. Fost l-oħrajn dak li ġara fl-1958 u fl-1998, b’Mintoff stess jirrakkonta eżatt dak li kien ġara.”
Fost l-oħrajn, il-film jagħti ħarsa lejn l-ewwel kontroversja bejn Mintoff u l-Arċisqof Mikiel Gonzi meta tkanta l-innu tar-Red Flag fl-1948, l-isplit tal-PL bejn Mintoff u Pawlu Boffa, l-irvellijiet u r-riżenja mill-gvern fl-1958, l-attentat ta’ qtil fuq Mintoff, il-kwistjoni politika-reliġjuża u l-interdett tas-sittinijiet.
Jagħti ħarsa wkoll lejn kif Mintoff irritorna fil-gvern fis-sebgħinijiet, kif ċeda postu lil Karmenu Mifsud Bonnici u l-ġlieda li kellu m’Alfred Sant fl-1998 meta vvota kontra l-gvern fuq il-proġett tal-Kottonera.
Se jkunu inklużi wkoll avvenimenti aktar riċenti f’ħajjet Mintoff, fosthom it-twaqqif tal-moviment ‘Front Maltin Inqumu’ u ż-żjara li għamel għall-għarrieda fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
“Din hija l-ġrajja ta’ Malta wkoll. Fuq kollox meta ssemmi lil Mintoff qed issemmi lil Malta u viċi-versa,” temm jgħid Grech.
Dan mhux se jkun l-ewwel film tax-xorta tiegħu f’Malta. L-ewwel film li ntwera fiċ-ċinemas lokali dwar Mintoff kien ‘Dear Dom’ fl-2012. Dan il-film ta’ Pierre Ellul kien miktub fil-forma ta’ ittra miftuħa lill-eks Prim Ministru. Kien intlaqà b’mod kontroversjali speċjalment mill-Laburisti, li sostnew kif il-film ma jagħmilx ġustizzja ma’ dak li għamel Mintoff tul il-karriera politika ta’ 50 sena.