Busuttil irid li l-poplu jħallas id-dejn tal-partit tiegħu - PL

Il-kritika dwar il-kirjiet tal-każini hija minnha nnifisha manifestazzjoni ċara ta’ ipokrezija politika - PL

Il-partit Laburista ħareġ stqarrija dwar dak li qed jitlob il-PN fid-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa fuq il-finanzjament tal-partiti. Din l-istqarrija tgħid hekk:


Waqt li bħalissa fil-Parlament għaddej id-dibattitu dwar il-liġi tal-Finanzjament tal-Partiti, liġi li wieħed jagħmel tajjeb jiftakar li tħalliet fuq l-ixkaffa minn Gvern Nazzjonalista wara l-ieħor, u saħansitra ngħatat il-ġenb meta kien hemm Deputat tal-PN stess li għamel draft tal-liġi, illum il-Kap tal-Oppożizzjoni qed ikompli jippersisti li għandu jkun il-poplu, mit-taxxi tiegħu li jħallas għall-froġa finanzjarja li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista.
Il-Kritika dwar il-kirjiet tal-każini hija minnha nnifisha manifestazzjoni ċara ta’ ipokrezija politika, meta Gvern Nazzjonalista m’għamel xejn fuq il-Liġi tal-Kera u kellu jagħmel dan Gvern Laburista.
Il-Partit Nazzjonalista jagħmel tajjeb li jitkellem ukoll fuq propjetajiet tiegħu, ewlenin fosthom il-każin f’Raħal Ġdid li ttieħed minflokk saret estensjoni taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-istess lokalità.
Din il-kritika kollha li qed isir mhi xejn għajr attentat iddisprat minn Simon Busuttil u l-Partit tiegħu li b’xi mod jippruvaw jirranġaw is-sitwazzjoni finanzjarja li qegħdin fiha, u biex jagħmlu dan iridu lill-poplu Malti u Għawdxi jħallas mit-taxxi tiegħu.
Huwa ċar, iżda li l-problema tal-Kap tal-Oppożizzjoni hija li ma jridx li jkun hemm skrutinju fuq il-finanzi tal-Partit tiegħu. Jekk irid ikun kreddibli, qabel xejn għandu jippublika l-accounts ta’ dawn l-aħħar 25 sena filwaqt li jwieġeb il-mistoqsijiet ta’ bosta fosthom dawk ta’ Nazzjonalista ġenwini, dwar fejn marru l-flus li nġabru sabiex inbniet l-istamperija? Fejn marru l-flus li tant Deputati pampaluni kien joħorġu minn kull naħa tal-ġlekk?
Busuttil irid lill-poplu jpoġġilu f’postu lill-Partit tiegħu.

More in Politika