Muscat beda bin-numri u spiċċa bil-kanuni
Muscat għamel diskors pożittiv dwar il-baġit għalkemm sab ħin ukoll biex jizzika bi stil umoristiku lil Kap tal-oppożizzjoni
minn John Busuttil
L-ewwel parti tad-diskors tal-Prim Ministru forsi kien jidher kemmxejn 'boring' fejn kien bażat fuq numri u statistiċi ekonomiċi dwar dak li l-'credit rating agencies' qed jiktbu dwar Malta. Statistiċi pożittivi li skont il-prim ministru jinħassu mill-poplu nnifsu.
Iżda temm id-diskors tiegħu bil-kanuni. Kanuni mmirati lejn il-kap tal-oppożizzjoni u xi membri tal-partit tiegħu u xita ta’ bombi ta’ dak li qed iwettaq u tal-proġetti ippjanati.
Beda d-diskors tiegħu bil-kelma ottimiżmu fejn qal li il-baġit qed jibni fuq it-tajjeb, ibiddel fejn mhux tajjeb u jippremja l-bżulija. Hawnhekk beda litanija sħiħa dwar dak li wettaq f’20 xahar dan il-gvern. Litanija ta’ proġetti pożittivi iżda li forsi l-poplu ilu jismagħhom.
Semma r-rekord tal-inqas rata ta’ qagħad tal-pajjiż u fl-istess ħin ikkritika lil Kap tal-oppożizzjoni li iddeċieda li ma riedx jitkellem dwar il-baġit iżda li jerfa l-krema ta’ kemm ilu ma jitkellem kull nhar ta’ ħadd u ħalla n-negatiivita għal Parlament. Qal li kien l-agħar diskors li qatt kap tal-oppożizzjoni għamel dwar baġit u dan biex iċapċpulu ftit dawk ta’ madwaru.
Hawnhekk semmielu l-każ tat-teżi li kien ikkoreġilu, “jekk tqabbadt tikkoreġili t-teżi jfisser li tħallast għal dak ix-xogħol għax ma tagħmel xejn għalxejn int.”
Semma kemm dan il-gvern naqqas id-defiċit filwaqt li ikkritika lill-oppożizzjoni li akkużawh bid-dejn,”meta Tonio Fenech aktar żied id-dejn milli ġab voti” qal Muscat.
Wieġeb għall-akkuża tal-bozoz ħomor fejn qal li l-bozoz ħomor qegħdin fid-dar ċentrali li jista ma jixtrix bozoz biex jarmaha għall-Milied.
Kien hawnhekk li d-diskors ta’ Muscat daħal fl-aspett tekniku tal-ekonomija fejn wieġeb għall-kritika tal-esportazzjoni, tal-bejgħ mill-ħwienet u kemm żdied ix-xogħol. Wieġeb għal kritika dwar li daħħal 4,400 mal-gvern, fejn qal li jixtieq jagħti lezzjoni ta’ ekonomija lil Simon Busuttil “għax jidher li min qed jitimgħu dawn il-ħmerijiet qed idaħħlu f’ħajt tal-konkrit aħjar milnn dak li ntuża fl-isptar Mater Dei.” Hawnhekk semma li mill-2793 li daħlu mal-gvern, 725 kienu l-ħaddiema tal-Arriva, 529 fil-qasam tas-saħħa u 441 fil-qasam tal-edukazzjoni u 461 biss li m’għandhomx kwalifiki.
Wara li tkellem dwar diversi wegħdiet li l-Gvern Laburista wettaq f’20 xahar, ikkritika lil Busuttil li dan naqas li jitkellem dwar, il-benefiċċji soċjali, dwar in-nisa tqal, dwar l-anzjani, dwar iż-żgħażagħ, dwar is-saħħa, edukazzjoni, Għawdex u xogħol. Semma l-qabżiet ta’ ġgant li saru fis-saħħa fejn minn 130 mediċina out of stock illum hemm 5 biss u se jibdew jitqassmu l-mediċini fid-djar tal-anzjani u li tnaqqsu anke l-waiting lists.
Il-Prim Ministru hawnhekk fetaħ il-kanuni fuq il-meritokrazija, “Kieku teżisti l-meritokrazija int żgur li ma lħaqtx kap” qallu Muscat fost it-taħbit fuq l-imwejjed, “Għaliex ġejt bl-eskorta ta’ ex pulizija, aħna nħobbuk u nieħdu ħsiebek u anke f’bozza npoġġuk.” Kompla jgħidlu b’mod mill-aktar sarkastiku.
Fakkru li anke Richard Cachia Caruana għandu skorta armata sal-lum u anke ex president, “allura l-Ministru Mallia m’għandux ikollu? Meta tant qed jaħdem biex titnaddaf id-droga mill-ħabs u jkollu theddid kontinwu?”
Il-kanuni komplew meta ssemma l-miljun ewro li ħa l-istess Simon Busuttil f’5 snin ta’ konsulenzi, u l-1.6 miljun fiż-żieda tal-ex ministrui u segretarji Parlamentari li suppost tħallsu lura u kienu biss €300,000 li ngħataw lura.
Hanwhekk b’rabja qallu, “jmissek tistħi tgħid li int tħallas tal-fuel u li xtrajt karrozza, meta hu l-poplu (il-gvern) li xtralek karrozza u jħallaslek il-fuel, u jsewwilek il-ħsarat u jħallaslek l-insurance, ara jien il-ħsarat u l-insurance inħallashom jien għax għażilt li nneffaq il-poplu inqas flus billi żammejt il-karrozza privata tiegħi flok xtrajt waħda kbira bħal ta' qabli."
Beda jsemmi każi ta’ ex ministri bħall-art li taha Jason Azzopardi f'Tal-Fekruna, l-pjanti ta’ Pullicino, u xi oħrajn iżda qal li l-oppożizzjoni tista tirrilassa għax se jieqaf hemm anke jekk kellu ħafna iżjed x'jgħid dwarhom.
Wara l-bombi bdiet il-kaxxa infernali tal-egħluq billi semma xita ta' proġetti u inċentivi pożittivi li hemm f'dan il-baġit li bihom jiżdied ix-xogħol u jiżdiedu l-flus fil-bwiet tal-poplu. Spiċċa biex jgħid li l-baġit jgħin il-bżulija u jħajjar il-bżulija.