Bejn Inkjesta u Oħra
“F’pajjiżna l-maġistrat m’għandux is-setgħa li jaqbad u jibda nkjesta hu”
minn Joe Ellis
Kienet ġimgħa mqanqla - u mhux Malta biss. Fil-Portugall, irriżenja l-Ministru tal-Intern wara li l-pulizija arrestat 11-il ruħ, fosthom il-kap tas-servizz ta’ immigrazzjoni fuq suspett ta’ korruzzjoni, ħasil ta’ flus u influwenza indebita fir-rigward tal-għoti tal-viża ta’ Schengen taħt l-iskema Portugiża marbuta ma’ xiri ta’ propjetà. Miguel Macedo ġie rrappurtat li qal li huwa “m’għandu l-ebda responsabilità personali” fil-każ u li “Qed nitlaq sabiex niddefendi l-gvern u l-awtorità tal-istat u l-kredibilità tal-istituzzjonijiet.”
Ir-riżenja ta’ Macedo ġiet fi żmien sfortunat għall-Ministru tal-Intern ta’ pajjiżna li reġa’ sab ruħu mill-ġdid f’nofs kontroversja wara li rriżulta li x-xufier tiegħu kien armat u spara tliet tiri lejn Skoċċiż li investa f’pajjiżna wara li dan tal-aħħar, allegatament fis-sakra, ħabat mal-karozza tal-ministru u faqagħlu mera. L-ewwel verżjoni uffiċjali li x-xufier spara fl-arja ma damitx ma ġiet skreditata b’ritratti li dehru fuq l-internet ta’ balla li nifdet il-karozza. Il-Ministru Mallia stess l-għada f’konferenza tal-aħbarijiet biddel il-verżjoni uffiċjali imma ddefenda kemm lix-xufier kif ukoll il-fatt li kien armat. Stqarr ukoll li l-predeċessuri tiegħu wkoll kellhom xufiera armati, asserzjoni li dlonk ġiet miċħuda mill-persuni inkwistjoni.
Wara l-għagħa li qam fil-pajjiż b’dan l-inċident ta’ sparar inġustifkat qalb il-bini u n-nies, kemm il-partit Nazzjonalista kif ukoll l-Alternattiva Demokratika talbu r-riżenja tal-Ministru Mallia. Forsi Simon Busuttil m’għandux jinsisti wisq fuq din is-sejħa għax Mallia qed jagħtih palata ġmielha biex jerġa’ jiġbor il-merħla ta’ nagħaġ mitluf li abbandunat il-partit tiegħu. U Muscat qed jagħmel kalkolu politiku li jista’ jiswielu qares meta jagħżel li jiddefendi l-ministru. Kif qalli din il-ġimgħa intelletwali xellugi li dejjem ħaseb b’rasu u li vvota għall-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni, id-diżappunt fost is-switchers huwa kbir u l-inċident ta’ din il-ġimgħa qajjem memorji koroh fost il-poplu li ċertament ma jridx li jerġa’ jgħaddi mit-tensjoni tal-passat.
Muscat iġġustifika ruħu billi qal li jrid jistenna l-eżitu ta’ inkjesta maġisterjali li l-pulizija għażlu li jiftħu. Madankollu, tali inkjesta sejra tkopri biss il-possibilità ta’ twettiq ta’ reat kriminali. Mhijiex se tindirizza l-mistoqsijiet li l-pubbliku qed isaqsi jekk ix-xufier in kwistjoni kienx il-persuna adattata għal dik il-pożizzjoni, għala ttieħdet id-deċiżjoni li jkun armat, kif ħarġet l-istqarrija inizjali li ma kinitx veritiera u jekk kienx hemm xi attentat biex tiġi żvijata l-opinjoni pubblika. Huwa evidenti li hemm lok li ssir inkjesta skond l-Att dwar l-Inkjesti sabiex ikollna risposti u min għandu jassumi r-responsabilità t’għemilu, tkun ta’ liema natura tkun, jassumiha. Ċertament, il-Prim Ministru għadu fil-ħin li jniedi inkjesta amministrattiva u wieħed jistenniha wara dan l-inċident li xxokkja l-opinjoni pubblika .
Dwar dawn iż-żewġ tipi ta’ inkjesta ktibt fil-passat f’dan il-ġurnal fit-2 t’Awwissu 2009 bit-titlu “Bejn inkjesta u oħra.” Jien u naqra dak l-artiklu qabel ma bdejt nikteb dan l-artiklu, ħassejt li dak li ktibt ħames snin ilu għadu jgħodd ferm illum. Niskuża ruħi jekk se niċċita fit-tul minnu imma nħoss li qajla nista’ nesprimi ruħi aħjar. “Dawn (iż-żewġ tipi ta’) inkjesti huma regulati minn żewġ liġijiet. Għandek il-Kodiċi Kriminali li fih bosta artikli li jistabilixxu kif għandhom isiru dawk li popularment jissejħu inkjesti maġisterjali jew biex nuża l-kelma teknika, l-“in genere”. Dawn l-inkjesti maġisterjali jsiru fil-kuntest ta’ ksur tal-liġi u l-iskop ewlieni tagħhom hu li l-evidenza li jkollha x’taqsam ma’ tali reat tiġi ppreservata.
Mill-banda l-oħra, għandek l-Att dwar l-Inkjesti li jistabilixxi l-mod kif jistgħu jinħatru nkjesti sabiex isir eżami tat-tmexxija ta’ xi dipartiment tal-gvern jew l-aġir ta’ xi uffiċjal pubbliku. Tali nkjesti jsiru minn bord ta’ persuna jew tlieta li jinħatru għal dan l-iskop mill-Prim Ministru.
Is-sitwazzjoni fil-preżent hi li jista’ jkollok inkjesti paralleli bħalma ġara fil-każ tal-mewt ta’ suldat waqt eżerċiżżju fic-Chadwick Lakes u l-inċident fid-Depot li wassal għall-mewt ta’ Nicholas Azzopardi, jiġifieri żewġ inċidenti li setgħu taw lok għal reat imma kien hemm lok ukoll li jiġi eżaminat l-operat tal-armata u tal-pulizija rispettivament. Imbagħad jista’ ikollok sitwazzjoni fejn l-awtoritajiet jagħżlu li jkun hemm inkjesta waħda, dik amministrattiva, bħalma kien il-każ tal-irvell f’Ħal Safi li ġiegħel lill-Prim Ministru jaħtar bord ta’ nkjesta mmexxi mill-Imħallef Depasquale. Madankollu, l-awtoritajiet għażlu li ma ssirx inkjesta maġisterjali minkejja li l-Imħallef Depasquale stess ikkonkluda li kien twettaq reat kriminali... Għandek sitwazzjonijiet ukoll fejn inkjesta maġisterjali biss issir. Dan hu normalment il-każ ta’ xi qtil jew xi delitt ieħor li bl-ebda mod ma jinvolvi l-amministrazzjoni pubblika. Fl-aħħar nett, jista’ jkollok sitwazzjoni fejn għal xi raġuni jew oħra, l-awtoritajiet jagħżlu li ma ssirx l-ebda nkjesta, la maġisterjali u l-anqas amministrattiva. Biex wieħed jagħti eżempju, il-każ ta’ meta l-indirizzi tal-posta elettronika tal-uffiċjali pubbliċi u l-membri tal-parlament kellhom jinbidlu f’daqqa waħda wara li xi ħadd mhux magħruf attakka s-servers tal-ambaxxata Maltija fil-Kajr seta’ ta lok għall-inkjesta kemm maġisterjali kif ukoll amministrattiva.
...Bord ta’ inkjesta m’għandu qatt ikun sostitut ta’ inkjesta maġisterjali...
Il-problema fis-sistema tagħna hi li għal raġunijiet storiċi, ftit hemm awtomatiċità fil-mod kif isiru inkjesti, kemm maġisterjali kif ukoll amministrattivi. F’pajjiżi oħra bħall-Italja u Franza, li għandhom sistema li tixbah lil tagħna, il-maġistrat inkwirenti għandu ħafna aktar poteri li bihom imexxi l-investiġazzjoni mill-pulizija li mhux ta’ b’xejn tissejjaħ il-puliżija ġudizzjarja. Anke f’pajjiżna sa ftit snin ilu l-qrati tal-maġistrati kienu jissejħu tal-puliżija ġudizzjarja. Madankollu, f’pajjiżna l-maġistrat m’għandux is-setgħa li jaqbad u jibda nkjesta hu kif għandu pereżempju, l-Italja.
Fis-sistema tagħna, maġistrat inkwirenti jista’ jibda inkjesta biss jekk issirlu denunzja, rapport jew kwerela dwar reat li għandu piena ta’ aktar minn tliet snin ħabs. Fit-teorija, kulħadd jista’ jagħmel tali denunzja jew kwerela. Fil-prattika, dan l-aktar li jsir mill-pulizija li huma obbligati li jinvolvu lill-maġistrat inkwirenti fil-każ biss ta’ mewt “sobtu jew vjolenti jew suspett, jew ta’ mewt li ma jkunx magħruf il-kaġun tagħha jew ta’ mewt f’post ta’ detenzjoni.” Għaldaqstant, f’ħafna każijiet, ma ssirx inkjesta maġisterjali għaliex il-pulizija (jew l-awtoritajiet) ma jidhrilhomx li għandha ssir waħda.
Hija ħasra li minkejja li issa ilna ħamsin sena ndipendenti, mhux talli l-ebda gvern ma ħass il-ħtieġa li jwessa’ l-poteri tal-maġistrati inkwirenti ħalli nitilqu mill-passat kolonjali, talli riċentement l-parlament għadda emenda li għamilha ferm aktar diffiċli li xi individwu jagħmel rapport li jagħti lok li ssir inkjesta maġisterjali. Issa, jekk xi ħadd li mhux il-pulizija jew l-Avukat-Ġenerali jagħmel rapport lill-maġistrat tal-għassa, irid jidentifika fir-rapport il-persuna li jissuspetta li wettaq ir-reat u tali persuna għandu jiġi notifikat bir-rapport u jingħata l-opportunità li jwieġeb għalih. Sintendi, tali persuna ssir taf ukoll min irrapportah. U f’każ bħal dan, il-maġistrat jintgħażel bix-xorti ħalli żgur ħadd ma jisfrutta l-fatt li jkun hemm xi maġistrat partikulari jagħmel l-għassa.
Jidher ċar li f’dan il-qasam hemm lok ta’ riforma estensiva li tagħti aktar poteri lill-maġistrati inkwirenti, issaħħaħ ir-riżorsi umani f’dan il-qasam u tiffaċilita l-parteċipazzjoni taċ-ċittadin f’dan il-proċess. L-amministrazzjoni (tal-PN) mhux talli ma wriet l-ebda ħajra li twettaq tali riforma kemm ilha fil-poter, minkejja li din l-istituzzjoni wriet il-validità tagħha f’każijiet jaħarqu bħal dak ta’ Pietru Pawl Busuttil, talli għaddiet emenda sabiex ikun ferm aktar diffiċli li ssir inkjesta jekk mhux mill-pulizija. L-oppożizzjoni Laburista fl-aħħar elezzjoni wegħdet li l-maġistrati inkwirenti jingħataw il-poter awtomatiku li jinvestigaw każijiet ta’ korruzzjoni. Dan mhux biżżejjed u tali poter għandu jiġi estiż għal kwalunkwe reat. Mhuwiex aċċettabli li maġistrat inkwirenti jitqabbad jagħmel inkjesta fuq serqa ta’ mitejn ewro jew ħabta bejn żewġ karozzi imma ma jiġix involut f’każ fejn allegatament twettaq frodi ta’ somom kbar ta’ flus għad-danni tad-dipartiment tal-VAT. Ejjew naraw liema politiku se jaċċetta din l-isfida, sfida li tirrikjedi kuraġġ kbir. Riforma f’dan il-qasam ikun sinjal importanti ta’ emanċipazzjoni politika li turi l-maturità tad-demokrazija tagħna.”
Minn dakinhar ’l hawn, inbidel il-gvern imma s-sitwazzjoni baqgħet ma nbidlitx. Il-gvern Laburista ħatar Kummissjoni għal Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja li fl-ewwel dokument għall-konsultazzjoni pubbliku stqarret li “Għandu jiġi kkunsidrat jekk ikunx hemm pool ta’ Maġistrati, xi erbgħa jew ħamsa, li xogħolhom ikun biss li jaqdu
doveri ta’ Maġistrati Inkwirenti biex b’hekk l-inkjesti maġisterjali jkunu jistgħu jitħaffu.”
Mid-dehra din m’għoġbotx lill-maġistrati u r-rapport finali tal-Kummissjoni nbidel sabiex jitneħħa l-Maġistrat Inkwirenti u r-rwol tiegħu jgħaddi lill-Prosekutur Ġenerali. Sakemm il-Prosekutur Ġenerali ma jkollux l-istess indipendenza mill-eżekuttiv bħalma għandha l-ġudikatura, l-abolizzjoni tal-istitut tal-Maġistrat Inkwerenti flok ma dan l-istitut jissaħħaħ ikun pass verament lura flok ’il quddiem. Il-fatti ta’ din il-ġimgħa wrew daqs qatt qabel li l-Pulizija ma jistgħux jiġu fdati b’investigazzjonijiet delikati li jistgħu jinvolvu membri tagħhom stess jew tal-ministeru jekk ma jkunux taħt id-direzzjoni ta’ Maġistrat Inkwirenti jew ta’ kwalunkwe struttura alternattiva li jkollha awtonomija sħiħa u effettiva mill-Eżekuttiv. L-awgurju tiegħi ta’ ħames snin ilu għadu jgħodd illum bħal qatt qabel imma qalbi tħebberni li se nibqa’ diżappuntat.
Dan l-artiklu nkiteb qabel mal-Prim Ministru ddeċieda li jaħtar inkjesta. Segwini fuq Facebook jew fuq Twitter @ellisjoseph biex taġġorna ruħek b’dak li qed jiġri fid-dinja ta’ madwarna.