Tibda l-konsultazzjoni dwar il-Miscarriage Leave

Dan ġie mħabbar waqt konferenza flimkien, flimkien mat-tnedija ta’ leave mħallas għal min jaħdem għal rasu u ħa jagħmel trattament tal-IVF

Il-Ministru Michael Falzon fuq ix-xellug u s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul fuq il-lemin (Ritratt: Alan Saliba/Dipartiment tal-Informazzjoni)
Il-Ministru Michael Falzon fuq ix-xellug u s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul fuq il-lemin (Ritratt: Alan Saliba/Dipartiment tal-Informazzjoni)

Il-Ministru Michael Falżon iħabbar l-implimentazzjoni ta’ żewġ miżuri mħabbra fil-Budget, 100 siegħa leave mħallas għal min jaħdem għal rasu għal kull ċiklu ta’ trattament tal-IVF u konsultazzjoni rigward il-miscarriage leave.

L-omm prospettiva se tkun intitolata għal 60 siegħa leave, filwaqt li l-konjugi/partner ikunu intitolati għal 40 siegħa oħra.Dan il-benefiċċju se jkun qed jitħallas bir-rata tal-Paga Minima Nazzjonali għaż-żewġ ġenituri prospettivi.

Sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa jiskatta l-proċess sabiex jinfetħu l-applikazzjonijiet għal dawk il-persuni illi jistgħu jkunu eliġibbli għall-miżura tal-IVF. Fl-istess ħin għaddejja ħidma sabiex fil-jiem li ġejjin tiġi implimentata l-miżura tal-leave ta’ paternità lil min jaħdem għal rasu.

“Ir-realtà hi li l-IVF mhix biss proċedura medika, hija esperjenza emozzjonali u soċjali, u lil hinn mit-trattament kliniku, nifhem li ħafna persuni li jgħaddu minn dan it-trattament jixtiequ aktar empatija, għarfien u bidla kulturali,” stqarr l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon. Hu qal li se jitkompla l-investiment wkoll f’sessjonijiet ta’ terapija regolari, akkumpanjati minn appoġġ psikoloġiku fit-tul u anke dak akkademiku.

“Il-bilanċ bejn id-dinja tax-xogħol u l-ħajja tal-ġenitur ma jintlaħaqx b’miżura waħda f’iżolament, iżda permezz ta’ diversi miżuri li flimkien jagħmlu d-differenza f’ħajjet il-ħaddiem. B’hekk il-ħaddiem ikollu aktar ħin ta’ kwalità mal-familja tiegħu,” saħaq is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul.

Il-leave għall-missirijiet, il-leave għall-ġenituri, il-Carers’ Leave, id-dritt ta’ arranġamenti ta’ xogħol flessibbli, il-leave urġenti għall-familja u ż-żieda storika fil-Paga Minima Nazzjonali lkoll huma parti mill-kullana ta’ miżuri li ġew introdotti biex jissaħħaħ il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja. 

“Miżura oħra li bdiet konsultazzjoni dwarha hija l-Miscarriage Leave. Kif wasalna b’konsultazzjoni u djalogu miftuħ fuq riformi oħra, hekk ukoll se nkunu qed nagħmlu din id-darba fl-introduzzjoni ta’ dan il-Leave,” għalaq is-Segretarju Parlamentari.

More in Politika