Fi stqarrija għall-istampa l-Alternattiva qalet li wara t-traskrizzjonijiet tat-telefonati li ħarġu qed tassumi li huma awtentiċi u veritieri, iċ-ċermen ta' Alternattiva Demokratika, il-Prof. Arnold Cassola, għalhekk qal: "Intennu li Manuel Mallia jrid jiġi mneħħi minn Ministru. Sad-9.15pm fil-lejl tal-isparatura kien ikkomunika max-xufier tiegħu u kien jaf li Sheehan kien spara fil-baxx u mhux fl-ajru. Madankollu, flimkien mal-assistent tal-Prim Ministru Kurt Farrugia, bena ħrafa fejn iddikjara li ma kienx kellem lix-xufier u li l-balal kienu sparati fl-ajru. La issa hu ppruvat li l-Ministru gideb bil-kbir, il-Ministru għandu jitkeċċa u l-assistent tal-Prim Ministru għandu jitneħħa wkoll sakemm jiġu aċċertati responsabbiltajiet oħrajn. Sadattant, f'ġieħ il-verità u t-trasparenza, il-PN għandu jgħaddi lill-Maġistrat u lill-Imħallfin li qed jagħmlu l-inkjesti it-tapes oriġinali tal-konverżazzjonijiet telefoniċi."
Ir-rivelazzjonijiet ġodda flimkien mal-istejjer investigattivi fil-ġurnali indipendenti tul l-aħħar ġimgħat isaħħu l-argument li Manwel Mallia mhux denju li jokkupa l-kariga ta' Ministru.