Baqa’ persistenti bil-mod kif imexxi, b’dik id-daħka sarkastika li tgħatti

Aqra l-artiklu kollu li deher fil-ħarġa tal-ILLUM il-Ħadd li għadda

Jekk wieħed qatt kellu xi dubju għaliex Lawrence Gonzi twarrab mill-poter minn nies tiegħu stess żgur li wara li tisma’ x-xhieda tiegħu fil-PAC, malajr tneħħih
Jekk wieħed qatt kellu xi dubju għaliex Lawrence Gonzi twarrab mill-poter minn nies tiegħu stess żgur li wara li tisma’ x-xhieda tiegħu fil-PAC, malajr tneħħih

Nhar it-Tnejn kompla jiltaqa’ l-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi bl-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi jkompli jixhed u jwieġeb għal għadd ta’ mistoqsijiet li sarulu. Gonzi insista li kien qed jiġi msejjaħ jixhed għat-tielet darba u kompla jisħaq li hu kien irrifjuta li jiltaqa’ ma’ George Farrugia u li mhux qed tingħata importanza lil email li fiha kien irrifjuta li jiltaqa’ miegħu.

Jekk wieħed qatt kellu xi dubju għaliex Lawrence Gonzi twarrab mill-poter minn nies tiegħu stess żgur li wara li tisma’ x-xhieda tiegħu fil-PAC, malajr tneħħih. Gonzi, li se jibqa’ msemmi fl-istorja politika ta’ Malta għall-akbar telfa elettorali ta’ kull żmien, kompla juri biċ-ċar x’wasslu għal din it-telfa. Baqa’ persistenti bil-mod kif imexxi, b’dik id-daħka sarkastika li tipprova tgħatti l-mod kif vera jkun qed jaħseb. Jipprova jiftakar jekk jafx lil Cathy jew le, jinsa avvenimenti li jiftakarhom ġimgħa wara li toħroġ xi email fuq il-gazzetta MaltaToday u jgħid li l-iskandlu taż-żejt kien jeżisti biss qabel l-2005. Dan meta kollox juri li George Farrugia membru ta’ familja li dejjem għenet lil Partit Nazzjonalista, kompla għaddej bl-iskandlu anke wara l-2005, meta Lawrence Gonzi kien Prim Ministru.

Iżda Lawrence Gonzi ma tax daqshekk importanza fuq l-iskandlu taż-żejt. Lanqas f’min kellu flus investiti fl-Iżvizzera u li kien hemm min insihom. Kien u għadu jemmen li kien l-iskandlu li waqqgħu mill-gvern. Kien u għadu jemmen li tilef l-elezzjoni tort ta’ min ħareġ l-iskandlu fuq il-mezzi tax-xandir lejliet l-elezzjoni. Għadu ma jemminx li l-elezzjoni kien ilu li tilifha xhur twal jekk mhux snin qabel id-9 ta’ Marzu 2013.

Fatti juru li sa lura f’Awwissu 2012, membru tas-sigurtà personali tiegħu, uffiċjal fl-iskwadra tas-servizzi sigrieti tal-pulizija, kien għaddielu dokumenti b’informazzjoni dwar dak li kien għaddej fix-xiri taż-żejt. Dokumenti li kienu mgħoddija mill-familjari ta’ George Farrugia. Dakinhar Gonzi għażel li ma jarahomx tant li talab lil dan is-surġent tas-servizzi sigrieti jgħaddi d-dokumenti lil kap tiegħu, Godfrey Scicluna li min-naħa tiegħu bagħathom f’dipartiment ieħor u spiċċaw imqattgħin biċċiet. 

Lawrence Gonzi seta’ faċilment ħa ħsieb x’qed jiġri fir-rigward tax-xiri taż-żejt iżda għażel li jitfa’ kollox fuq il-pulizija. Anke dwar id-deċiżjoni li tingħata proklama lil George Farrugia, Gonzi qal li kien l-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo li tah il-parir biex jagħmel dan. John Rizzo aktar tard xehed li hu sar jaf bil-proklama minn fuq il-mezzi tax-xandir. 

Hemm ukoll il-każ tal-kumpanija Shell. Dawn kienu lmentaw u pprotestaw li ma ngħatawx l-offerta huma u wrew biċ-ċar li kellhom xi dubji dwar kif ingħatat l-offerta. Il-gvern Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Lawrence Gonzi kien ħallas lix-Shell is-somma ta’ €5 miljuni. L-avukat tax-Shell kien Simon Busuttil. Dan il-każ għalhekk ukoll seta’ indika lill-Prim Ministru Gonzi li l-affarijiet fix-xiri taż-żejt mhux mexjin sew.

Wieħed jistaqsi wkoll kif jista’ jkun li tipponta subgħajk lejn il-whistleblower, jew aħjar lejn min kixef jew lejn il-mezzi tax-xandir li wasslet biex ma jibqax isir serq sfaċċat miż-żejt u ma jippuntax subgħajh lejn min seraq u lejn min tah il-fakultà li jisraq?

Il-Partit Nazzjonalista jaf sew x’wasslu biex tilef l-elezzjoni f’Marzu ta’ sentejn ilu. Ma kienx biss l-iskandlu tax-xiri taż-żejt li tellfu s-siġġu tal-poter. Lawrence Gonzi u Simon Busuttil jafu eżatt x’kienet ir-raġuni. 

More in Politika