Stqarrija mis-segretarju Parlamentari Justyne Caruana ċaħdet għal kollox l-allegazzjonijiet li qed isiru fl-istqarrija maħruġa mill-UĦM.
L-istqarrija tgħid li l-union taf li s-sitwazzjoni li ntirtet fiċ-ċentri ta’ matul il-jum kienet tali fejn officers in charge bl-istess grad u l-istess kwalifiki bħal ħaddiema oħra kienu qed jagħmlu xogħol amministrattiv li ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Għalhekk bdiet ħidma biex jinħatru supervisors li se jkunu qed jagħmlu dan ix-xogħol li fil-fatt jirrifletti l-grad u l-kwalifiki tagħhom.
Dawn il-bidliet qed isiru fl-aħjar interess kemm tal-anzjani li jattendu ċ-ċentri ta’ matul il-jum u kemm tal-ħaddiema li għandhom jagħmlu x-xogħol li huma impjegati għalih.
Il-laqgħa li qed tirreferi għaliha l-UĦM saret biss biex isserraħ moħħ il-ħaddiema li ħadd mhu se jitlef postu kif kien qed ikun allegat fi xnigħat bla bażi. F’din il-laqgħa la saret referenza għall-UĦM u lanqas għal ebda union oħra tgħid l-istqarrija.
Għalkemm il-UĦM qatt ma talbet laqgħa mas-Segretarju Parlamentari, is-Segretarjat Parlamentari huwa dejjem dispost li jiltaqa’ mal-UĦM biex jispjega s-sitwazzjoni. It-triq ’il quddiem fil-qasam tal-anzjani hi li dan il-qasam għandu jitmexxa fl-ahjar interess tal-anzjani tagħna fejn id-dinjità tagħhom għandha tiġi rrispettata u protetta.