Faqqgħet gwerra bejn l-unjins
Il-UĦM takkuża lil GWU bil-poaching u l-GWU tgħid li l-UĦM għandha għajnuna mill-PN
More in Politika
Il-UĦM takkuża lil GWU bil-poaching u l-GWU tgħid li l-UĦM għandha għajnuna mill-PN
Fl-aħħar amministrazzjoni li għaddiet, speċjalment lejn tmiemha dik il-gwerra li dejjem kien hawn bejn il-GWU u l-UĦM kienet raqdet xi ftit. Id-differenzi hemm baqgħu iżda l-gwerra saret waħda bierda.
Iżda l-każ Enemalta donnu li kien is-swiċċ li qajjem dan il-mostru mir-raqda. Qatt ma kien hemm xi dubju dwar minn liema lenti jħarsu ż-żewġ unjins. Fejn dik tal-GWU dejjem kellha aspett aħmar fejn anke kienet għamlet xi żmien miżżewġa mal-Partit Laburista u wara separazzjani legali, donnhom li baqgħu poġġuti.
Il-UĦM min-naħa l-oħra għandha lenti turi blu anke jekk dejjem ċaħdet dan xorta jibqa’ fatt li kienet dejjem speċi ta’ ‘mistress’ tal-PN. Tant hu hekk li l-eks segretarju Ġenerali tagħhom, Gejtu Vella wara r-riżenja tiegħu wera l-kuluri vera tiegħu sa anke spiċċa kandidat u kelliem għal Partit Nazzjonalista.
Il-fatti huma reali u ma jista’ jmerihom ħadd, anke jekk it-tnejn li huma jaħilfu li l-aġenda tagħhom hi ffukata fuq il-ħaddiema biss.
Tant ħarġet fl-apert din id-differenza ta’ bejniethom u tant din il-gwerra ta’ bejniethom qed tiħrax li anke fil-każ ta’ ħaddiema li ġejjin mill-istess kumpaniji t-tnejn li huma qed jagħti interpretazzjoni differenti ta’ x’inhuma l-vera bżonnijiet tal-ħaddiema.
Il-każ tal-Enemalta u t-Trasport pubbliku ħoloq battibekki bejn il-GWU u l-UĦM li mar oltre mill-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Daħal fin-nofs ukoll il-partit Nazzjonalista li qed jattakka l-mod kif il-GWU qed tiġi ffinanzjata bl-istess GWU iddawwar il-kanuni fuq l-UĦM u takkużahom li anke dawn gawdew minn finanzi li akkwistaw mill-gvern Nazzjonalista.
Dan barra li ż-żewġ unjins qed jakkużaw wieħed lill-ieħor dwar ‘poaching’ ta’ membri minn unjin għal oħra.
Dawn il-battibekki jidhru li ħadu soppraventu fuq il-ħaddiema tant li l-GWU m’aċċettatx li tiltaqa’ mal-oppożizzjoni biex jiddiskutu l-kwistjoni tal-ħaddiema tal-Enemalta.
Il-GWU ikkundannat ukoll l-atti ta’ intimidazzjoni li qegħdin isiru minn uffiċjali tal-UĦM fuq l-imsieħba tal-GWU fl-istess kumpanija. Min-naħa l-oħra l-UĦM ħarġet stqarrija li membri tat-trasport pubbliku insulentaw uffiċjal tagħhom fit-triq.
Il-gwerra żvolġiet biż-żewġ naħat jitfgħu t-tajn fuq xulxin dwar proprjetajiet li t-tnejn li huma krew lil gvernijiet rispettivi. Bis-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) Tony Zarb jisfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni jikkonferma jekk hux minnu li Gvern Nazzjonalista kien għamel kirja ta’ proprjetà mingħand unjin oħra (UĦM) għax skont hu dawn huma l-ħbieb tal-partit Nazzjonalista.
Il-UĦM wieġbet li l-General Workers’ Union qed tipprova tiġġustifika l-ksur ta’ kuntratt meta binja tagħha nkriet lill-kumpanija tal-Gvern, l-ARMS, meta m’għandha l-ebda sehem fiha u biex tagħmel dan il-General Workers’ Union iddeċidiet li titfa’ t-tajn fuq il-UĦM. Qalu wkoll li l-UĦM fl-aħħar 25 sena minn Gvernijiet preċedenti lanqas biss jibdew ma’ dak li l-GWU qalgħet fl-aħħar 25 xahar taħt Gvern Laburista.
Il-kanuni taż-żewġ unjins bdew jiġu mmirati lejn il-politiċi tal-partiti opposti, il-GWU lejn Simon Busuttil u l-UĦM issa ħarġet tgħid li s-segretarju parlamentari Justyne Caruana qed timxi b’mod arroganti.
L-Illum staqsa liż-żewġ segretarji Ġenerali ta’ dawn l-Unjins kif u għaliex bdew dawn il-battibekki bejniethom.
Il-kummenti tagħhom jinsabu fil-ħarġa tal-ILLUM