Toni Abela u Demarco jagħtu lezzjoni kif għandha ssir il-politika

Wirja ta' politika inklussiva u moderna fuq Xarabank

Il-bieraħ waqt il-programm Xarabank immexxi minn Peppi Azzopardi, ż-żewġ partiti rappreżentati mill-viċi Kapijiet tagħhom, Toni Abela u Mario Demarco taw lezzjoni ta' kif għandha ssir l-politika moderna. Urew lil poplu Malti li għad hemm spazju għal politika nklussiva u ta' argumenti serji mingħajr bżonn ta' insulti, tfigħ ta' tajn u tgħajjir. Politika li ħolom biha Joseph Muscat meta ħoloq il-moviment u permezz ta' diskorsi bil-għaqal ta' Mario Demarco qed jidher li fl-aħħar il-politika ta' huma u aħna qed tispiċċa fil-verita. Sew Toni Abela kif ukoll Mario Demarco kienu fuq in-naħa t-tajba ta' politiċi serrji meta t-tnejn li huma faħħru kull ħaġa li għamel tajjeb il-partit oppost, jew aħjar il-gvernijiet differenti u fl-istess waqt sabu ħin kif jikkritikaw u janalizzaw dak li ma jaqblux mingħajr insulti, twerżiq u tfigħ ta' tajn.

Interessanti kienu l-interventi taż-żgħażagħ, kandidati tal-kunsilli lokali li se jsiru f'April, li kienu ġejjin miż-żewġ partiti. Bla dubju li l-aktar wieħed li kellu messaġġ sod li t-timbri ta' blu u aħmar fl-aħħar qed jibdew jiżvanixxu mill-politika Maltija kien l-intervent ta' Wilfred Buttigieg li qal li hu kien jivvota nazzjonalisti iżda llum iħossu aktar komdu fil-moviment ta' Joseph Muscat avolja hu ma jqisx ruħu la laburist u lanqas nazzjonalist. Qal li hu persuna li janalaizza dak li qed isir u jivvota skont kif jaqbel għal pajjiż. Qal li għalkemm illum kandidat fil-partit laburista ma jiddejjaqx jekk fil-futur tgħoġbu l-politika li joffru n-Nazzjonalisti u jerġa jivvota lil Partit Nazzjonalista. U tenn  li l-moviment jaċċetta dan il-fatt. Wieġeb tajjeb iż-żagħżugħ Nazzjonalist Keith Tanti fejn qal li hu jaqbel ma' dak li qal Wilfred iżda hu jħoss li flok  jabbanduna lil partit li tant weġġa żgħażagħ fl-aħħar leġislatura, jippreferi jinvolvi ruħu fih biex jgħin lil dan il-partit jerġa jaqabad it-triq it-tajba.

Mario Demarco qal li dawk li vvutaw labour u telqu lil patrtit nazzjonalista ma kinux żbaljati iżda kien il-partit nazzjonalista li żbalja u naqashom. Toni Abela qal li hu jemmen f'politika li kapaċi tfaħħar it-tajjeb u tikkritika dak li ma taqbilx miegħu b'mod sod iżda edukat. Qal li billi żewġ politiċi ma' jaqblux fl-idejat ma jfissirx li jkunu miġġildin ma' xulxin u hi ħasra li f'Malta għad hawn ħafna nies li jħossuhom aħna u huma. Abela temm li hu jħossu komdu jaħdem ma' nies li qatt ma kienu favur il-labour iżda li kapaċi taħdem magħhom. Demarco temm li wasal iż-żmien li l-poplu Malti jħossu bħala poplu wieħed magħqud anke meta ma jaqbilx.

Jidher li fl-aħħar il-politiċi Maltin ħerġin mill-politika tat-timbru blu jew aħmar, inkella ta' politika li jekk titwieled blu ma tistax tqarreb lejn l-aħmar. Kien Xarabank b'messaġġ mill-aktar qawwi u pożittiv li jerġa jagħti fiduċja lil politika Maltija li skont Demarco stess il-poplu kien qed jitlef il-fiduċja fiha u fil-politiċi.

Fl-istess programm iżda kien hemm mumenti fejn il-politika tal-passat ġiet mfakkra kulmeta ikkonfrontaw lil xulxin Manwel Micallef min-naħa tal-PL u Karol Aquilina min-naħa tal-PN fejn ħafna drabi ma nftiehem xejn waqt li bdew jargumentaw b'leħen għoli u ma jagħtux spazji wieħed lill-ieħor.

More in Politika