L-ammont ta' immigranti li lesti biex jaqsmu għall-Ewropa, qiegħed dejjem jiżdied. Skont il-Forza Navali Rjali, hemm madwar nofs miljun persuna mal-kosta tal-Libja lesti sabiex jaqsmu l-Mediterran.
Matul it-tmiem il-ġimgħa li għadda biss, bastimenti Ewropej salvaw madwar 6,000 persuna li kienu qed jaqsmu fil-Mediterran.
Fl-Italja, fejn jaslu l-maġġoranza tal-immigranti, tlett reġjuni tan-naħa ta' fuq tal-Italja ħabbru li mhux se jieħdu aktar immigranti. Għal dan, il-Prim Ministru Taljan appella għal iktar solidarjetà fl-Italja u bejn l-istati tal-UE.
"Din il-problema ma ħloqniehiex aħna imma qed nippruvaw insolvuha," qal Renzi fil-Ġermanja fejn jinsab jattendi għas-summit tal-G7.
L-Italja appellat lill-pajjiżi ġirien tagħha sabiex jieħdu l-kwoti ta' immigranti, imma pajjiżi bħal Franza u l-Ingilterra opponew għal dan. Minkejja dan, l-UE qablet biex iżżid l-isforzi tagħha fil-qasam tat-tfittxija u s-salvataġġ.
Sa issa, fl-Italja daħlu mal- 50,000 immigrant din is-sena li huwa iktar minn 10% iktar mil-ammont tas-sena li għaddiet.
Nhar it-Tnejn li ġej il-Ministru tal-Intern Taljan Angelino Alfano mistenni jiltaqa' mal-Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni, Dimitris Avramopoulos, sabiex jiddiskutu dwar dan.