L-ILLUM tkellem mal-membru Parlamentari Ewropew, Roberta Metsola f’isem il-Partit Nazzjonalista waqt li kienet fis-sessjoni plenarja fi Strasburgu l-għada tal-vot li ħadu l-Griegi favur il-LE u lejlet il-vot tal-membri Parlamentari dwar it-TTIP, l-għaqda tan-negozju bejn żewġ blokok enormi, dawk tal-Amerka u l-Ewropa.
Dwar il-vot tal-poplu Grieg, Metsola qalet li l-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras indirizza l-Parlament Ewropew dwar il-kriżi ekonomika f’pajjiżu. “Issa drajna li kull darba li jagħmel diskors dan ikun kollu retorika u nieqes mis-sustanza u mill-proposti konkreti. Hu ċar għalih u għal kulħadd, li baqa’ biss ftit jiem biex tinstab soluzzjoni jekk il-Greċja verament trid tevita falliment.
F'Malta, nafu wkoll xi jfisser meta politiku jagħżel li jkun ispirat mill-populiżmu jew inkella jwettaq politika perikoluża li twasslek f’xifer l-irdum. Il-mexxejja Griegi jridu jgħidu l-verità liċ-ċittadini tagħhom. M’għandhomx jabbużaw mir-rieda tajba u mis-solidarjetà murija mill-Istati Membri. Nittama li xorta nsibu t-triq ’il quddiem li tkun ġusta mal-popli u l-pajjiżi Ewropej, fosthom Malta li silfu l-flus lill-Greċja. Is-soluzzjoni trid tkun ukoll ġusta mal-Griegi, li sfortunatament il-mexxejja populisti tagħhom wassluhom f’din il-kriżi li jinsabu fiha.”
Metsola vvutat favur it-TTIP
Metsola din il-ġimgħa fi Strasburgu ivvutat favur it-TTIP li hi t-Transatlantic Trade and Investment Partnership bir-raġuni tagħha tkun, “Xejn ma jiġbor ir-relazzjoni politika u ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti aħjar mit-TTIP.
“Ma nistgħux nitilfu din l-opportunita’, li hi stmata li tlaħħaq il-mitejn biljun ewro minħabba strateġija ta’ biża minn xi setturi jew inkella minħabba miżinformazzjoni minn setturi oħra.
“Fejn tidħol Malta - it-tneħħija tal-ostakoli għall-kummerċ mal-Istati Uniti jista' jfisser li d-dħul kapital reali tagħna jiżdied b'madwar 4.84%. Dan mhux ammont żgħir!
“Filwaqt li TTIP huwa importanti ħafna, il-gwida m’għandhiex tkun li dan għandu jkun akkost ta’ kollox. Aħna għandna nkomplu naħdmu u nagħmlu ħilitna biex jintlaħaq ftehim. Madankollu dan irid ikun konformi u jirrispetta l-istandards ambjentali, tas-saħħa, is-sigurtà, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data. Dan kollu hu essenzjali.”
Metsola kompliet tgħid li l-Ewropa trid taħdem aktar biex jitnaqqas id-distakk bejn min qed jinnegozja u l-pubbliku. “Huwa għalhekk li aħna qed nirsistu biex ikun hemm aktar trasparenza, u rendikont regolari ta’ fejn ikunu waslu n-negozjati.
“Fil-Parlament Ewropew għadna kemm ivvutajna fuq rapport dwar it-TTIP, li l-akbar kwistjoni kienet l-ISDS. Issa wasalna għall-kompromess. Irridu li ISDS tinbidel ma’ sistema ġdida. Bis-sistema l-ġdida fejn ikun hemm tilwim, bejn investituri u l-iStati, dak it-tilwim għandu jkun suġġett għall-prinċipji demokratiċi. Għandu jkun suġġett għall-iskrutinju fejn il-każijiet jiġu mismugħa u trattati b’mod trasparenti minn arbitri maħtura b’mod pubbliku u li jkunu nies indipendenti u professjonali. Is-seduti għandhom ikunu pubbliċi u l-ġurisdizzjoni tal-Qrati tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri għandhom jiġu rispettati.
“Nittama li dan kollu jwassalna biex insibu t-triq ’il quddiem.”