Ir-riforma tal-MEPA: Aktar indħil politiku jew aktar importanza lill-ambjent?
L-ILLUM jitkellem ma’ membri tat-tliet partiti u mal-FAA dwar ir-riforma fil-MEPA
minn Daniel Mizzi
Sentejn wara li l-gvern Laburista rebaħ l-elezzjoni fuq l-għajta li se jipproteġi l-ambjent u li żmien l-abbużi u sfreġji ambjentali se jkunu xi ħaġa tal-imgħoddi, il-proposti tal-gvern biex tinqasam l-awtorità tal-ippjanar u l-ambjent (MEPA) sfaw fil-mira ta’ kritika minn bosta ambjentalisti u l-Oppożizzjoni. L-ILLUM tkellem mal-koordinatriċi ta’ Flimkien għall-Ambjent Aħjar (FAA) Astrid Vella, il-Viċi Kap tal-PN Mario De Marco u d-Deputat Ċermen tal-AD Carmel Cacopardo li lkoll qablu illi dawn il-bidliet se jwasslu biex l-ambjent “jidgħajjef.” Min-naħa l-oħra d-Deputat Laburista Godfrey Farrugia, li dan l-aħħar kien voċiferu fuq kwistjonijiet ambjentali argumenta l-kontra, jiġifieri li dawn il-bidliet se jwasslu biex l-ambjent jissaħħaħ.
Skont l-abbozzi ta’ liġi l-ġodda u hekk kif wiegħed il-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni, l-MEPA se tinfired fi tnejn: Bord tal-ippjanar li se jkun responsabbli biex toħroġ il-permessi u li se taqa’ taħt ir-responsabbilità tal-uffiċċju tal-Prim Ministru, u awtorità separata dedikata għall-ħarsien tal-ambjent.
Però, minkejja li fuq il-karta jidher kollox sempliċi u ward u żahar, l-ambjentalisti qed isostnu li fil-verità l-ambjent se jingħata inqas importanza u li saħansitra, minkejja l-proposti, l-indħil kontinwu tal-klassi politika se jkompli jdgħajjef l-ambjent.
L-ambjent se jingħata l-importanza li jistħoqqlu
F’kummenti lill-ILLUM, Godfrey Farrugia – il-Whip tal-Gvern li f’Ġunju kien, flimkien mad-Deputata Laburista Marlene Farrugia, ssieħbu mal-grupp ambjentali Front Ħarsien ODŻ – qal li grazzi għal proposti tal-gvern, l-ambjent se jingħata “pjattaforma indipendenti.”
“Għall-ewwel darba, l-ambjent qed jingħata l-importanza li tistħoqqlu. Ir-riforma se ssaħħaħ l-ambjent f’pajjiżna hekk kif se tinħoloq awtorità tal-ambjent awtonoma u indipendenti minn dik tal-ippjanar,” Farrugia qal f’kummenti lill-ILLUM.
Huwa spjega li l-gvern għandu mandat elettorali sabiex jimplimenta l-firda u li d-diviżjoni tal-MEPA hija siewja hekk kif tagħti lill-ambjent leħen individwali. Fil-Parlament, Farrugia spjega kif l-awtorità ambjentali se tkun tifforma parti minn kunsill eżekuttiv ġdid fi ħdan awtorità tal-ippjanar u grazzi għal dan, l-awtorità ambjentali se jkollha leħen fit-tfassil tal-politika tal-ippjanar.
“Il-preżenza tal-awtorità ambjentali fuq dan il-kunsill jassigura li jinħoloq bilanċ ġust bejn il-konservazzjoni u l-ħarsien tal-ambjent, u l-iżvilupp responabbli,” Farrugia qal.
L-eżekuttiv il-ġdid se jkun magħmul minn ħames membri appuntati mill-gvern, żewġ membri mill-awtorità tal-ambjent, u żewġ membri jirrappreżentaw l-iżviluppaturi. Il-Whip tal-Gvern spjega wkoll li f’ċertu ċirkostanzi jieħdu sehem ukoll membri tal-kunsilli lokali.
“Kuntrarju għal-lum, kull proċess ser ikun miftuħ għal skrutinju pubbliku… Hija r-rieda tal-gvern li l-awtorità tal-ambjent tkun iktar pro-attiva u tiffoka iktar fuq tħaris u l-protezzjoni tal-ambjent,” tenna jgħid Farrugia.
L-indħil politiku jdgħajjef l-ambjent
Astrid Vella, kelliema għall-Flimkien għal Ambjent Aħjar qalet li l-problema ewlenija fi ħdan l-MEPA f’ Malta hija l-indħil politiku u li b’ konsegwenza ta’ dan, l-ambjent qed isofri u jidgħajjef.
“L-ebda strutturar fi ħdan il-MEPA mhi ħa tħalli frott sakemm il-politiċi jaċċettaw li huma m’għandhom ikollhom l-ebda indħil fid-deċiżjonijiet u li dawn għandhom jitħallew f’idejn esperti li jiddeċiedu għat-tajjeb tal-ambjent u mhux biex jissodisfaw il-politiċi. L-influwenza tal-politiċi Maltin fil-politika tal-MEPA qed idgħajjef l-ambjent f’Malta,” Vella qalet f’ kummenti lill-ILLUM.
Hija spjegat ukoll li minkejja li l-FAA hija favur il-firda tal-Awtorità, l-proposti se jrendu l-funzjoni ambjentali “inferjuri.”
“Minflok ma ssaħħaħ l-ambjent, il-firda tal-MEPA mhi ħa twettaq xejn minn dan. Anzi, kif proposta, l-awtorità tal-ippjanar, se tiġi relegata għall-sempliċiment entità oħra li l-awtorità tal-ippjanar se tiddeċiedi tikkonsultax magħha jew le,” qalet Astrid Vella, kelliema għall-Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA).
Le għal firda tal-MEPA; il-problema hija t-tmexxija
Intant, Carmel Cacopardo qal li ma jaqbilx mal-firda tal-MEPA hekk kif il-problema mhijiex waħda strutturali. F’kummenti lil din il-gazzetta qal li minflok l-emendi hekk kif proposti, l-gvern, għandu jiffoka fuq it-tisħiħ tal-ambjent.
“Il-firda tinkoraġixxi l-frammentazzjoni: Nippreferi li kieku l-MEPA tiġi kkonsolidata u mhux tinqasam f’biċċiet għax il-problema aħħarija hija min imexxiha; importanti li fl-ippjanar m’għandux ikun hemm indħil politiku.”
“Deputat parlamentari m’għandux jiddetta d-direzzjoni kif il-politika tal-MEPA għandha tiġi implimentata. Minflok, huwa għandu jagħti direzzjoni politika, jaħtar membri kompetenti sabiex imexxu l-MEPA u fejn hemm bżonn jinvestiga,” tenna jgħid il-Perit Cacopardo.
Madankollu, Cacopardo, li huwa wkoll eks-uffiċjal investigattiv fl-uffiċċju tal-Awditjar fi ħdan il-MEPA, spjega kif il-ħatra ta’ dawn l-uffiċjali u l-esperti għandha tiġi mgħarbla minn kumitat parlamentari.
Mario De Marco jikkritika l-pjani tal-Gvern
Intant, Mario de Marco, Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u eks-ministru tal-ambjent, qal li l-biża’ tiegħu hija li l-firda tal-MEPA, kif proposta, se twassal sabiex jidgħajjef l-ambjent u mhux jissaħħaħ, speċjalment minħabba dawk li mal-ILLUM sejjaħ “ċirkostanzi mhux normali.”
Huwa kritika l-fatt li l-ambjentalisti u l-Oppożizzjoni ngħataw biss 24 siegħa sabiex jagħtu r-reazzjoni tagħhom għal iktar minn 400 paġna ta’ liġijiet ġodda. “L-NGOs ingħataw biss 24 siegħa sabiex jilħqu jiżnu u jeżaminaw il-liġijiet proposti kollha. Huwa wkoll insult li wara li l-gvern iddeċieda li jestendi dan il-perjodu sal-aħħar ta’ Lulju, huwa baqa’ għaddej bid-dibattitu parlamentari u essenzjalment dan ifisser li l-proċess tal-konsultazzjoni huwa inutli,” de Marco saħaq.
Huwa temm jgħid li b’konsegwenza ta’ dan l-atteġġjament, l-Oppożizzjoni mhux se tkompli tipparteċipa fil-proċess ta’ konsultazzjoni hekk kif hi tħoss li m’hemm l-ebda skop għal dan.