Filwaqt li f’dan il-pajjiż kulħadd jitkellem dwar it-trasparenza, jew in-nuqqas tagħha, mijiet ta’ ġenituri li jibagħtu lill-uliedhom fi skola tal-Knisja qed jitħallew fil-għama dwar fejn qed jintefqu flushom li jagħtu b’donazzjoni kull tliet xhur. L-ILLUM għamel kuntatt ma’ ħames skejjel tal-Knisja, bir-Rettur ta’ San Alwiġi jammetti li l-kulleġġ ma jippubblikax rendikont finanzjarju lill-ġenituri, kelliema tal-Kulleġġ Santa Monika tirreferina għall-Kurja tal-Arċisqof u rappreżentanti minn tliet kulleġġi oħrajn jgħidu li jippubblikaw l-kontijiet finanzjarji tagħhom.
F’kummenti mal-ILLUM il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo u l-Kummissarju tal-Organizzazzjonijiet Volontarji Kenneth Wain qablu li l-iskejjel tal-Knisja għandhom jippubblikaw ir-rendikont finanzjarju tagħhom, b’Bartolo jfakkar illi huwa “fl-interess tagħhom li jagħmlu dan.”
F’Malta, l-prassi fost l-iskejjel tal-Knisja hija li għal kull semestru, il-ġenituri jintalbu biex iħallsu donazzjoni “volontarja.” L-ammont ta’ kull donazzjoni jvarja minn skola għal oħra, b’ ċerti skejjel ma jitolbu xejn jew donazzjoni minima ħafna, filwaqt li oħrajn “jistaqsu” għal sa €600 fis-sena. Minkejja dan, fil-kummenti tagħhom mal-ILLUM kemm Bartolo kif ukoll Wain fakkru illi f’nuqqas komplet ta’ gwida legali l-ebda skola tal-Knisja mhi obbligata li turi lill-ġenituri, iswed fuq l-abjad, fejn u għalxiex marru l-flus tad-donazzjonijiet tagħhom.
“Ninfurmawhom bil-proġetti”
Meta kkuntattjat minn l-ILLUM Fr Jimmy Bartolo, ir-Rettur tal-Kulleġġ tal-iskola San Alwiġi, qal li l-kontijiet tal-iskola ma jiġux ippubblikati u li dawn jingħataw biss lis-Segretarjat u l-Amministrazjzoni tal-iskola.
Mistoqsi jekk dan ifissirx li l-ġenituri ma jingħatawx rendikont dettaljat ta’ x’jiġri mid-donazzjonijiet tagħhom, Bartolo sempliċiment tenna li ġenituri jiġu informati biss bil-proġetti li l-iskola tkun wettqet. Sussegwentament, huwa qalilna li għandu x’jagħmel u qata’ l-linja. L-ILLUM reġa’ prova jagħmel kuntatt ma’ Fr Bartolo tliet darbiet oħra, iżda dan baqa’ ma irrispondix it-telefon.
“Ċempel lill-Kurja”
Aktar minn hekk, meta dan il-ġurnal għamel kuntatt ma’ Sister Veronica Gerada mill-Kuleġġ St Monica, din talbet sabiex id-domandi jiġu mistoqsija lill-Kurja. Kuntrarjament għal dan, kapijiet ta’ skejjel oħrajn ma sabu l-ebda problema biex jagħtu iktar informazzjoni.
“Huwa dritt tal-ġenitur li jkun jaf x’qed jiġri bi flusu”
Mario Mallia, is-surmast tal-Kulleġġ St Albert the Great, tenna li minkejja li l-iskola m’għandha ebda obbligu legali, fl-aħħar ta’ kull sena skolastika, il-ġenituri jingħataw rendikont tad-dħul u l-infiq li l-iskola tkun għamlet. “Huwa dritt tal-ġenitur li jkun jaf x’qed jiġri bi flusu,” sostna Mallia. Ma’ dan qabel ukoll il-Ministru Bartolo li sostna li l-iskejjel tal-Knisja m’għandhomx jiġu eżentati milli jagħtu rendikont, u li għaldaqstant il-ġenituri għandhom dritt li jkunu jafu fejn sejrin flushom.”
“Nemmen li l-iskejjel tal-Knisja għandhom jagħtu rendikont tal-infiq u d-dħul tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar huwa fl-interess tagħhom li jkunu trasparenti. Il-kwistjoni tiddependi ħafna mill-opinjoni u l-mentalità ta’ min imexxi l-iskejjel,” Bartolo spjega.
Bl-istess mod, Fr Jurgen Cucciardi mill-kulleġġ ta’ Saint Elias, qal li l-ġenituri jingħataw rendikont dettaljat tal-infiq kapitali tal-iskola. Minn naħa tagħha, Roberta Mifsud Bonnici minn St Joseph School ta’ Blata l-Bajda, qalet li l-ġenituri tal-istudenti jingħataw lista tal-proġetti u stima tal-infiq li l-iskola tkun għamlet.
L-ebda liġi ma tirregola lill-iskejjel tal-Knisja
Normalment, kwalunkwe organizzazzjoni jew entità li titlob xi forma ta’ donazzjoni tiġi rreġistrata bħala organizzazzjoni volontarja jew inkella ġġib permess mingħand il-pulizija skont il-liġi. Però, l-iskejjel tal-Knisja ma jaqgħu taħt l-ebda entità ta’ dan it-tip u b’ konsegwenza ta’ dan m’hemm l-ebda liġi li tirregola dawn id-donazzjonijiet.
Mal-ILLUM Kenneth Wain qal li “Skejjel jistgħu jiġu rreġistrati bħala organizzazzjonijiet volontarji hekk kif l-għan aħħari tagħhom huwa biex jipprovdu l-edukazzjoni. Madankollu, f’ Malta m’hemmx skejjel tal-Knisja li huma rreġistrati. Sabiex skola tal-Knisja tiġi mgħarrfa, l-iskola trid tkun voluntarja u waħda li taħdem mingħajr ebda skop ta’ profit.”
Wain temm jgħid li “bħala entitajiet li jirċievu donazzjoni, l-iskejjel tal-Knisja għandhom jippubblikaw il-kontijiet tagħhom, u li l-ġenituri għandhom ikollhom dritt li jagħmlu skrutinju.”
Id-donazzjoni mhi “volontarja” xejn
L-ILLUM tkellem ma’ xi ġenituri li tennew ukoll li minkejja li d-donazzjoni hija spjegata bħala waħda “volontarja”, mhi waħda voluntarja xejn u li f’ċerti każijiet jiġu ppressati biex iħallsu. Madankollu, skejjel li tkellmu ma’ dan il-ġurnal ċaħdu dan u saħansitra sostnew li studenti li ma jifilħux iħallsu xorta waħda jiġu trattati daqs l-istudenti l-oħra.