Simon Busuttil: Prim Ministru ta’ għada jew għasfur tal-passa?
Min huwa Simon għan-Nazzjonalist?
minn Albert Gauci Cunningham
Sentejn ilu, preċiżament f’Mejju tas-sena 2013, Simon Busuttil kien elett Kap tal -Partit Nazzjonalista b’93% tal-voti wara li t-tliet kontestanti l-oħrajn, jiġifieri Mario De Marco, Francis Zammit Dimech u Raymond Bugeja rtiraw il-kandidatura tagħhom fid-dawl tar-riżultati tal-ewwel rawnd ta’ votazzjoni. F’dan ir-rawnd, Busuttil kien kiseb 50.3% tal-voti tal-Kunsilliera.
Minkejja din il-bidla, bit-timbru uffiċjali ta’ kważi l-kunsilliera kollha, l-ewforija kienet ineżistenti u ma kienx hemm xi ċelebrazzjonijiet kbar, l-aktar minħabba l-fatt li l-Partit Nazzjonalista kien għadu ħiereġ minn telfa pjuttost umiljanti.
Minn dak iż-żmien lil hawn għaddew sentejn u ftit, u bil-Gvern f’nofs leġiżlatura huwa ferm pertinenti li nistaqsu jekk Busuttil illum hux qed jieħu l-qagħda ta’ Prim Ministru ta’ għada jew hux sempliċiment ‘għasfur tal-passa’, li qed iwitti t-triq għal Kap Nazzjonalista ieħor (jew oħra). Busuttil qed iħalli impatt qawwi biżejjed? X’inhuma l-preġji u n-nuqqasijiet tiegħu? U iktar importanti minn dan, min hu Simon Busuttil f’għajnejn il-votant illum?
Il-ġurnal ILLUM ħares lejn sitt sezzjonijiet ta’ votanti u analizza b’liema lenti dawn jista’ jkun li qed iħarsu lejn il-Kap tal-Oppożizzjoni u Prim Ministru prospettiv tal-pajjiż bħalissa.
Min huwa Simon għan-Nazzjonalist?
Bħala Kap ta’ partit, l-ewwel impatt li Busuttil ħtieġlu jħalli huwa mal-partitarji tiegħu stess. Busuttil jeħtieġ, l-ewwel u qabel kollox, jikkonvinċi lin-Nazzjonalisti li, kif jgħidu bl-Ingliż, “he’s the man”. Żgur li huwa ta’ preġju għal Busuttil li l-PN reġa’ sab siequ u jinsab ħafna aktar magħqud milli qatt kien f’dawn l-aħħar sitt snin. In-Nazzjonalisti reġa’ għandhom sens ta’ tama u bosta huma dawk il-partitarji li qed jaraw li l-impossibbli jista’, fil-verità, ikun possibbli, jiġifieri li l-PN jirbaħ l-elezzjoni li jmiss.
Minkejja dan, jidher li l-magna tal-PN hija ffukata wisq fuq l-iżbalji li qed jagħmel il-Gvern u ftit li xejn dwar l-immaġini tal-istess Partit f’għajnejn il-poplu in ġenerali. Dak li qed jgħaqqad lin-Nazzjonalisti llum huwa aktar il-mod negattiv li bih iħarsu lejn Gvern Laburista milli l-personalità ta’ Busuttil innifsu. L-aħħar li l-PN kellu suċċess elettorali fuq ieħor, sakemm spiċċa ġab lill-Partit Laburista għarkopptejh, kien meta kellu Kap li kien iwaħħal diversi setturi ta’ votanti flimkien permezz ta’ viżjoni ċara u popolari (dħul ta’ Malta fl-UE), permezz ta’ ekonomija vibranti li kienet qed tħalli l-flus fi bwiet in-nies u n-negozjanti, kif ukoll permezz tal-biża’ kollettiva mir-rival politiku tiegħu.
Dawn it-tliett fatturi illum huma kollha neqsin fost il-votanti Nazzjonalisti. Il-Partit Nazzjonalista huwa nieqes minn viżjoni li tista’ tattira l-eluf lejh, u l-ekonomija sejra tajjeb u allura l-poplu mhux qed iħares lejn Busuttil għad-duwa ekonomika. Ma’ dan jingħaqad il-fatt li r-rival politiku ta’ Busuttil, mhux talli m’għadux dak il-babaw tal-aħħar snin tat-tmeninijat, talli għandu immaġini aħjar minnu.
Dan jispjega l-fatt li llum ħafna partitarji Nazzjonalisti jħossu li l-kolla li tgħaqqadhom bħalissa mhix it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, iżda, ironikament, it-tmexxija tal-Partit Laburista. Jekk din il-kolla hux se ssalva sentejn u nofs oħra, għad irridu naraw.
Min huwa għall-votant konservattiv?
Il-bażi tal-Partit Nazzjonalista għadha, sa ċerta punt, mibnija fuq sezzjoni kbira ta’ votanti li huma konservattivi fuq kwistjonijiet soċjali u morali. Nies li vvutaw LE għad-divorzju u kieku kellhom iċ-ċans kienu jivvutaw LE għal-liġi li ppermettiet l-Unjoni Ċivili bejn koppja tal-istess sess. Dawn il-votanti illum huma xi ftit diżillużi fuq diversi kwistjonijiet fejn il-PN jew ma qalx wisq jew inkella vvota kontra l-prinċipji li għalihom huma ‘sagrosanti’. Fir-realtà il-votant konservattiv illum huwa xi ftit jew wisq orfni politiku, hekk kif il-partit li għalih kien jivvota, ta l-appoġġ tiegħu għal-liġi tal-ġeneru u astjena fil-kwistjoni tal-Unjoni Ċivili, liema pożizzjoni iktar urtat milli tat pjaċir lill-votant konservattiv.
Quddiem dak li numru ta’ partitarji ‘silenzjużi’ tal-PN jaraw bħala tmermir tat-tessut u l-morali soċjali, huma jħossu li l-PN ftit qed jagħmel differenza. Il-ħarsa u t-tama tagħhom għalhekk waqgħet fuq il-Kurja u Arċisqof aktar voċiferu. Kemm se jaħfru lill-PN jiddependi ħafna fuq il-politika ta’ wara l-purtiera, fejn deputati u uffiċjali tal-PN jistgħu jitkellmu b’mod aktar liberu u jesprimu ma’ dawn il-votanti dak li verament iħossu u li forsi m’għandhomx il-kuraġġ jgħidu fuq il-midja.
Min hu għall-iswitcher?
L-iswitcher, jew dak il-votant li vvota lill-PL fl-aħħar elezzjoni għalkemm qabel kien jivvota PN huwa tip ta’ votant varjat wisq biex inkunu nistgħu nagħmlu analiżi uniformi. Minkejja dan, fost l-iswitchers, wieħed isib numru konsiderevoli ta’ votanti minn familji Laburisti li bdew jivvutaw u japoġġjaw lill-PN meta dan kellu l-viżjoni Ewropea. Ħafna minn dawn illum reġgħu qed jivvutaw lill-PL u m’għandhomx xi affinità partikolari lejn Busuttil. Ħafna minn dawn il-votanti għadhom iħossuhom ‘siguri’ jagħtu l-appoġġ lill-PL.
Imbagħad għandek dawk l-iswitchers li Busuttil ta’ sikwit jgħid li tilfu l-fiduċja fil-klassi politika kollha. Naturalment, hija urtanti għal Busuttil li numru konsiderevoli ta’ votanti li vvutaw Labour biex jieqfu l-każi ta’ nepotiżmu, l-arroganza u n-nuqqas ta’ trasparenza u meritokrazija, minflok qed jiġru għas-soljev għand il-PN, qed juru l-għadab tagħhom lejn Muscat, imma jibqgħu fin-nofs. Dan jista jindika li dawn il-votanti huma diżullużi bil-Gvern imma ma nsewx il-passat riċenti. Fost dawn, Busuttil mhux aħjar jew agħar minn Muscat. Huwa l-istess.
Għandek ukoll l-fattur ta’ votanti Nazzjonalisti ‘mweġġgħin’ li għal xi raġuni jew oħra, kemm jekk politika kif ukoll jekk personali, vvutaw lill-Partit Laburista għall-ewwel darba. Jidher li hawn il-PN qed jagħmel avvanz u qed jerġa’ jikseb lura l-appoġġ.
Min hu għall-Ambjentalist?
Dawk li jħobbu u jikkampanjaw favur l-ambjent jew għandhom kuxjenza ambjentali, li n-numru tagħhom dejjem qed jikber, mhuma kuntenti xejn b’dan il-Gvern bħalissa u jidher li l-Gvern ma tantx se jakkomoda din is-sezzjoni ta’ votanti fis-snin li ġejjin. Hawnhekk il-PN irnexxielu, b’suċċess, jirkeb fuq il-karru taż-Żonqor u parzjalment jirriforma lilu nnifsu bħala l-Partit tal-Ambjent.
Hawnhekk Busuttil għandu minjiera tad-deheb li anke jekk ma trebħux, tista’ tagħtih biżżejjed saħħa biex inaqqas id-distakk b’mod konsiderevoli. Dawk li qed jipprotestaw kontra ċerti żviluppi, primarjament dak taż-Żonqor, ma nsewx l-iżbalji ambjentali ħoxnin li għamel il-PN, imma jidher li bosta minnhom qed jagħtuh il-benefiċċju tad-dubju. Li jfisser li l-votant ‘aħdar’ illum qed iħares minn lenti ħafna iktar pożittiva lejn il-PN taħt Busuttil milli qatt għamel meta dan kien immexxi minn Lawrence Gonzi. Jidher li jekk l-Alternattiva ma tagħmilx avvanzi konsiderevoli, huwa l-PN li jgawdi l-aktar mill-emoraġija ta’ votanti ‘ħodor’ mill-Partit Laburista.
Min hu għan-negozjanti ?
Mal-klassi, jekk trid issejħilha hekk, ta’ negozjanti, lukandiera, żviluppaturi, industrijalisti u kuntratturi, Busuttil jidher li ftit qed iħalli impatt. Tradizzjonalment din is-sezzjoni ta’ votanti kienet fermament Nazzjonalista jew għall-inqas simpatizzanti mal-PN. Sal-lum jidher li dan il-monopolju ttieħed mill-Partit Laburista kważi b’mod assolut u dawn il-votanti, bil-flus f’idejhom u l-investiment fuq moħħhom qed iħossuhom komdi ħafna ma’ Muscat, l-aktar minħabba il-qagħda ekonomika pożittiva bħalissa. Il-Gvern għandu immaġini qawwija li huwa pro-business, tant li numru ta’ nies qed jakkużawh li huwa wisq qrib tan-negozji.
Jidher għalhekk li f’għajnejn ħafna minn dawn, Busuttil huwa prattikament irrelevanti, f’dan il-mument politiku partikolari. Irrelevanza li tista tfisser inqas riżorsi u inqas kollateral għall-PN.
Min hu għall-Laburist?
Għal persentaġġ kbir ħafna ta’ Laburisti, Busuttil mhu xejn. Imma hemm sezzjoni ta’ Laburisti li jidher li qed jibdew iħossuhom xi ftit jew wisq komdi bil-lingwaġġ li qed juża Busuttil u bil-fatt li qed jirraġuna kif jistennew lill-partit tagħhom li jirraġuna. Hawnhekk Busuttil jidher li qed jitkellem iktar il-lingwa tal-Laburist ‘imweġġa’’ u juża deċizjonijiet diskutibbli u dubjużi tal-Gvern biex jitfa l-melħ fuq il-ferita. “Sai ħadet €13,000 fix-xahar u int 0.58ċ”, “Gaffarena b’esproprijazzjoni miljunarja u int bil-prekarjat”, “Dak poġġewh fuq bord għax deher fuq il-billboard u int Laburist u bqajt b’xejn”. L-għażla ta’ dawn l-istqarrijiet qed jolqtu fil-laħam il-ħaj u se jħallu impatt elettorali żgur. Kemm se jkun dak l-impatt, għad iridu naraw.
Il-ġudizzju tal-qarrejja tagħna dwar il-Gvern ta’ Muscat
...jiddominaw l-ilmenti tal-Laburisti
Is-sit elettroniku illum.com.mt staqsa lill-qarrejja tiegħu x’inhu l-ġudizzju tagħhom tal-Gvern Laburista sentejn u nofs wara r-rebħa elettorali. B’kollox ivvutaw 1,169 persuna. Minn dawn 626 (53.5%) qalu li dan il-Gvern sejjer tajjeb ħafna u 227 (19.4%) qalu li sejjer ħażin ħafna. Dan ifisser illi maġġoranza assoluta tal-qarrejja tal-illum.com.mt taw ċertifikat pożittiv lill-Gvern. Minkejja dan 293 (25%) qalu li f’dawn is-sentejn u nofs raw deċiżjonijiet tajbin imma oħrajn ħżiena wkoll.
Intant is-sit irċieva b’kollox 85 kumment ma’ dan l-istħarriġ. Fost dawn kien hemm kummenti pożittivi ħafna bħal dawk ta’ Rita Grioli, Therese Bilocca, Rita Aguis, Winston Baldacchino u Maria Bugeja li saħqu li dan huwa “Gvern tajjeb ħafna”. Ronald Abela qal li l-Gvern huwa “ħafna aħjar mill-Gvern ta’ qablu” waqt li Joanna Caruana qalet li huwa tajjeb għax qed jindirizza l-prekarjat. Peter Bonello ta lista sħiħa ta’ miżuri li ħa l-Gvern fosthom child care b’xejn u t-tnaqqis fil-kontijiet filwaqt li Andrew Camilleri fakkar kif anke l-aġenziji ta’ kreditu qed jgħidu li l-politika tal-Gvern hija tajba.
Imma fattur li qam b’saħħa fost il-kummenti kien dak ta’ Laburisti li jħossu li l-Partit abbandunahom jew li jiddeskrivu lilhom infushom bħala “mweġġgħin”. Joseph Bonello u Marie Agius jgħidu li wasal iż-żmien li jkun indirizzat il-“garr tas-suldati tal-azzar” filwaqt li Godwin Camilleri jgħid kif hu qala’ transfer taħt Gvern tal-PN u issa reġa qala’ ieħor. Huwa qal li jaħdem mal-Forzi Armati ta’ Malta u li mhux se jerġa’ jivvota. Rene Savona Ventura qal illi hawn ħafna tgergir “min fuq xogħol, min fuq promotion. Però wara li nfakkarhom x’sar f’dawn is-sentejn jammettu li dan il-Gvern huwa aħjar minn ta’ qablu”. Walter Spiteri jistaqsi meta se jibdew ikunu indirizzati l-inġustizzji fil-Korp tal-Pulizija “ xbajt inħabbat bibien, jekk il-Gvern li nemmen fih verament jisma għandu jagħtina risposta”.