Għarbiel Parlamentari għal kull żvilupp ODZ

L-ILLUM iħares lejn numru ta' proposti li għamlu NGOs u għaqdiet ambjentali dwar il-bidliet ippjanati fil-MEPA

Żvilupp f’art ODZ dejjem kien għadma iebsa. Din l-Art Ħelwa qed  tipproponi skrutinju fuq kull żvilupp ODZ
Żvilupp f’art ODZ dejjem kien għadma iebsa. Din l-Art Ħelwa qed tipproponi skrutinju fuq kull żvilupp ODZ

Proposta ta’ Din l-Art Ħelwa, fost il-bosta sottomissjonijiet li bagħtu diversi għaqdiet rigward il-qasma tal-MEPA, tgħid li kull permess f’żona barra l-iżvilupp (ODZ) għandu jgħaddi mill-għarbiel tal-Parlament fejn jingħata dak li l-għaqda ssejjaħ bħala ‘final endorsement.’ Il-proposta tgħid li dan l-iskrutinju Parlamentari għandu jsir anke jekk l-Awtorità tal-Ippjanar jew it-Tribunal tal-istess awtorità jiddeċiedu li jagħtu l-permess. 

L-għaqda ambjentali tfakkar li “ladarba l-permessi kollha ODZ jinvolvu vjolazzjoni tal-konfini jew bidla, li fil-prinċipju għandhom ikunu approvati mill-Parlament, kull permess prospettiv ODZ...għandu jkun mgħoddi lill-Parlament permezz tal-kumitat parlamentari għall-endorsement finali.” Din l-Art Ħelwa tgħid li din il-proposta għandha żżid mal-iskrutinju li jsir fuq applikazzjonijiet u permessi f’art ODZ. 

X’jiġri iżda jekk il-Parlament jew il-Kumitat tal-Ambjent fil-Parlament jiddeċiedi li l-permess ma kellux jingħata u b’hekk ma jagħtix il-final endorsement mhux ċar, la fil-proposta nnifisha u lanqas wara li l-ILLUM talab kummenti mingħand l-għaqda nnifisha. 

L-ILLUM staqsa lill-President ta’ Din l-Art Ħelwa, Maria Grazia Cassar x’inhuma eżattament l-implikazzjonijiet tal-proposta u jekk ifissirx li kull deċiżjoni relatata ma’ permess ODZ tridx titressaq quddiem kumitat Parlamentari. Dan il-ġurnal staqsa wkoll x’ikunu l-implikazzjonijiet fuq il-permess jekk il-Parlament ma jagħtix l-endorsement finali tiegħu.  

Cassar spjegat kif il-proposta tfisser aktar skrutinju u kontabbilità, u mhux li l-Parlament ikollu l-poter li jiddeċiedi fuq permessi ta’ żvilupp ODZ. 

Biża’ mill-indħil politiku

Intant l-ILLUM innota kif mis-sottomissjonijiet li ttellgħu fuq is-sit tal-Ministeru għall-Ambjent u Żvilupp Sostenibbli, bosta għaqdiet ambjentali u individwi qed juru t-tħassib tagħhom li l-bidliet ippjanati mill-Gvern se jfissru aktar indħil politiku fil-proċess tal-ippjanar. Din L-Art Ħelwa tgħid li s-sistema proposta hija “manifestament anqas trasparenti minn dik eżistenti, b’wisq poter f’qafas iżgħar u appuntat politikament.” 

Ma’ din l-għaqda ingħaqad il-Professur Kevin Aquilina, id-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi, li rrimarka kif “mhux ċar għalfejn il-Prim Ministru qed jingħata aktar poteri milli diġà għandu. Mhux biżżejjed li l-liġijiet tal-1997, 2001 u 2010 dwar l-ambjent u l-ippjanar ħassru l-awtonomija tal-Mepa u għamluha servili għall-Gvern tal-ġurnata?”

Il-biża’ ta’ bosta ambjentalisti huwa li se jingħata wisq poter lill-politikanti
Il-biża’ ta’ bosta ambjentalisti huwa li se jingħata wisq poter lill-politikanti

Anke l-GRTU u l-Kunsill Lokali ta’ Tas Sliema ressqu l-istess tħassib, bil-GRTU tgħid li ma taqbilx li jingħata l-poter lill-Ministru li jissupera d-deċiżjoni tal-Awtorità jekk proġett ikun meqjus bħala wieħed ta’ “interess nazzjonali”. Tal-istess opinjoni kien il-Front Ħarsien ODZ li sostna kif “kull persuna li għandha avviż ta’ infurzar se jkollha d-dritt li jistaqsi lill-Awtorità tal-Ippjanar biex jirregolarizza l-iżvilupp, grazzi għal regolazzjonijiet magħmulin mill-Ministru”

Proprjetà abbandunata għandha tkun regolata 

Il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, fost il-proposti qal li l-Gvern għandu jikkonsidra li l-Awtorità tal-Ippjanar tara li bini antik ikun regolat qabel ma jkun fi stat ta’ dilapidazzjoni kompleta. Il-Kunsill jirrimarka kif fil-bidliet proposti, hemm dik li l-Ministru jista’ jideċiedi li proprjetà li hija ta’ periklu jew li hija fi stat dilapidat titwaqqa’ għas-spejjeż tas-sid.

Il-Kunsill ta’ Tas-Sliema qed jipproponi li jkunu regolati djar antiki qabel ma jiġu fi stat dilapidat
Il-Kunsill ta’ Tas-Sliema qed jipproponi li jkunu regolati djar antiki qabel ma jiġu fi stat dilapidat

Ta’ min wieħed jinnota li madwar il-pajjiż, hemm bosta proprjetajiet li qegħdin fil-periklu li jaqgħu u għalhekk ta’ periklu għall-pubbliku. Il-Kunsill Lokali Slimiż għalhekk jixtieq li bir-regolazzjoni jkun protett il-bini l-antik qabel ma jiġi fi stat dilapidat. 

Nibni fuq l-art tiegħek...mingħajr il-permess tiegħek

Iktar kmieni din il-ġimgħa, is-sit illum.com.mt żvela kif il-Malta Developers Association (MDA) hija kontra bidliet proposti li jfissru li applikant m’għadux obbligat li juri li għandu l-permess ta’ persuna terza biex ikun jista’ jibni fuq l-art tiegħu jew tagħha. Kull ma jrid juri l-applikant, hija ittra ta’ notifika li turi kif huwa informa lil sid l-art dwar l-applikazzjoni għall-permess ta’ żvilupp fuq l-art tas-sid.

Din il-bidla jidher li se tkun qed tmur lura għaż-żmien qabel l-2010 meta dan l-obbligu ma kienx jeżisti. 

“Se nevalwaw kull sottomissjoni” - Ministru Leo Brincat

Ma nħossx li jkun korrett li nagħti l-opinjoni personali tiegħi jew tal-Ministeru tagħna dwar is-sottomissjonijiet li rċevejna bħala Gvern.

Il-Gvern kif mistenni, se jkun qed jieħu pożizzjoni dwarhom fl-istadju tal-kumitat, bħala gvern, u mhux bħala ministeri individwali. 

Li nista’ nserraħ ras kulħadd huwa, li kull sottomissjoni se tiġi evalwata fuq il-merti tagħha indipendentement minn fejn tkun ġejja. 

Se nkunu qed niżguraw li dan nagħmluh b’moħħ miftuħ ħalli niżguraw li l-abbozzi tal-liġijiet jissaħħu bl-aħjar mod possibbli.

More in Politika