IL-MAHE titlob lill-Gvern biex jibgħat messaġġ ċar kontra l-abbuż fil-qasam turistiku

....tirreaġixxi għall-istorja tal-ILLUM dwar Bulgari 'importati, imħallsin €3.80 s-siegħa u dikjarati 'self employed'

Il-Malta Association of Hospitality Executives (MAHE) fi stqarrija ħeġġet lill-Gvern biex jibgħat messaġġ ċar kontra l-abbuż fil-qasam turistiku b'reazzjoni. Din l-istqarrija tiġi b'reazzjoni għall-aħbar ippublikata ilbieraħ fuq il-ġurnal ILLUM dwar abbużi fil-qasam tal-impjiegi fis-settur turistiku li qed ikunu investigati mill-Pulizija kif ukoll mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER). Nhar il-Ħadd 28 ta' Ġunju l-ġurnal ILLUM kien żvela kif allegatament numru ta' lukandi stabbilew kuntatti ma' aġenziji Bulgari li jfornuhom b'ħaddiema fix-xogħolijiet ta' waiters, maintenace kif ukoll fit-tindif. Dawn, allegatament, qed iħallsu lil dawn il-ħaddiema €3.80 fis-siegħa li minnhom  ikollhom iħallsu mal-20ċ lill-aġenzija li ġġibhom Malta filwaqt li jiddikjarawhom  bħala self employed.

Il-MAHE fl-istqarrija tagħha ssejjaħ lill-Gvern biex jaġixxi "b'mod sever kontra l-istabbilimenti li qed jużaw dawn il-prattiċi abbużivi biex b'hekk il-Gvern jibgħat messaġġ ċar illi huwa serju dwar il-bżonn li jinqata t-tali abbuż". Il-MAHE tgħid ukoll illi dan l-abbuż mhux biss nuqqas ta' rispett lejn l-impjegati iżda wkoll lejn dawk kollha fil-qasam li jimpjegaw nies skont il-liġijiet tax-xogħol f'Malta.

Intant il-ġurnal ILLUM irraporta wkoll kif allegatament bħalissa qed issir bidla fil-preferenza tal-impjegati għal dawk li ġejjin minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea, speċjlament mill-Maċedonja, s-Serbja u l-Ukrajna.  

More in Politika