Mijiet maqbudin fl-Ungerija ... Merkel bi twissija ċara kontra r-razziżmu

Mijiet ikantaw "Ġermanja, Ġermanja" bil-biljetti f'idejhom hekk kif ingħalaq l-aċċess biex persuni jidħlu fl-Ewropa. Merkel tgħid li m'hemm l-ebda skuża li tiġġustifika r-razziżmu

Persuni, l-aktar mis-Sirja, jipprotestaw kontra l-egħluq tal-istazzjon tal-ferrovija f'Budapest  (ritratt mis-sit BBC)
Persuni, l-aktar mis-Sirja, jipprotestaw kontra l-egħluq tal-istazzjon tal-ferrovija f'Budapest (ritratt mis-sit BBC)

Il-kriżi umanitarja fl-Ewropa qed tiqliel bil-ġurnata hekk kif illum ingħalaq stazzjon tal-ferrovija fil-kaptiali tal-Ungerija Budapest bil-konsegwenza illi mijiet ta' persuni, l-aktar mis-Sirja, kienu qed jippruvaw jaqsmu l-fruntiera biex javvanzaw aktar lejn l-Ewropa. Għall-kant ta' "Ġermanja, Ġermanja" u bil-biljetti tal-ferrovija f'idejhom mijiet ta' persuni pprotestaw hekk kif l-Istazzjon Keleti kien magħluq mill-awtoritajiet tal-pajjiż biex ma jkunx permess li dawn il-persuni jmorru lejn il-Ġermanja. Għal iktar rabja mill-immigranti li xtaqu jkomplu l-vjaġġ tagħhom u li kienu diġa xtraw il-biljetti biex jagħmlu dan, bdew jiddaħħlu biss fl-istazzjon dawk iċ-ċittadini mill-pajjiż jew minn pajjiż ieħor fl-UE.

Intant, fid-dawl ta' sentimenti nażżisti u estremi f'pajjiżha, il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel għamlitha ċara li r-razziżmu mhu se jkun aċċettat qatt. "Irridu naqtgħu linja ċara, ma jistax ikun hemm skużi...m'għandha nuru ebda forma ta' simpatija" saħqet Merkel illi tkellmet ukoll dwar l-importanza li jkun hemm distribuzzjoni ċara u ġusta ta' immigranti fl-Ewropa. Jekk ma jsirx dan, qalet Merkel " in-nies jibdew jiddubitaw ix-Shengen". Il-qbil Shengen, li jfisser il-moviment ħieles ta' persuni minn pajjiż għall-ieħor, qed ikun is-sors ta' rabja minn bosta illi qed jallegaw illi l-pajjiżi tilfu kull kontrol li seta' kellhom fuq il-fruntieri. Tant hu hekk li dan l-aħħar l-Ewropa saħansitra reġgħet rat il-bini ta' ħajt fl-Ungerija wkoll b'tul ta' 175 metru biex tipproteġi l-fruntiera tagħha.

 

More in Politika