Madwar 20,000 persuna niżlu fit-toroq ta' Vjenna, l-kapitali tal-Awstrija b'turija ta' sapport għall-immigranti u persuni li qed ifittxi ħajja aħjar. L-Awstrija bħalissa tinsab fuq allert hekk kif eluf ta' immigranti qed jippruvaw jgħaddu mill-pajjiż fi triqithom għall-Ġermanja.
Fil-mixja tagħhom fit-toroq ta' Vjenna dawk li attendew qalu li ħadd mhux legali u li d-drittijiet ma jafux fruntieri. Ftit qabel fil-katidral ta' Vjenna inkixef mafkar għal dawk il-71 persuna li nstabu mejtin fuq in-naħa ta' wara ta' trakk. Ħafna mill-immigranti li deħlin fl-Ewropa bħalissa qed jaħarbu mill-biża tal-gwerra u t-thedida tal-IS fis-Sirja.
Intant aktar persuni fil-Greċja daħlu żewġ dgħajjes li waħedhom ħadu fil-pajjiż mal-4,200 immigrant, hekk kif bħalissa l-Greċja qed tipprepara li tibda diskussjonijiet fl-Unjoni Ewropea dwar kif se tibda tkun iffaċċjata l-problema kbira ta' persuni li qed jidħlu fl-Ewropa.