Daqshekk paroli, rridu azzjoni – Marlene Mizzi fuq l-immigrazzjoni

Il-Membru Parlamentari Ewropej Marlene Mizzi tgħid li l-Ewropa għandha bżonn tgħaqqad il-forzi tagħha ma’ imsieħba internazzjonali sabiex issolvi l-problema tal-immigrazzjoni.

Waqt l-intervent tagħha f’dibatittu parlamentari, l-Membru Parlamentari Laburista Marlene Mizzi saħqet li jeħtieġ li l-Ewropa tgħaqqad il-forzi tagħha ma’ dawk tal-imsieħba internazzjonali u tiffoka fuq kif ser tissolva l-problema tal-vjolenza fil-Libja, s-Sirja, l-Lvant Nofsani u t-Tramuntana tal-Afrika.

L-MPE Laburista saħqet li l-fenomenu tal-immigrazzjoni mhux se tissolva sakemm ma tiġi indirizzata l-kawża oriġinali tagħha, iġifieri l-konflitti u l-instabbilità fil-pajjiżi tal-immigranti.

“Trid tinstab soluzzjoni għall-kawża li qed tisforza lin-nies jaħarbu minn pajjiżhom, inkella nkunu qed nistiednu aktar problemi  mhux insolvuhom.”

Waqt l-intervent tagħha, Mizzi saħqet li l-ħin għal paroli waqaf u li issa huwa importanti li tiġi implimentata azzjoni sabiex tissolva l-problema tal-immigrazzjoni.

“Kemm-il darba għandna nitolbu l-attenzjoni tal-kapijiet ta' stati u gvernijiet? Daqshekk paroli, irridu azzjoni. Azzjoni kuraġġuża bbażata fuq is-solidarjetà mill-Istati Membri kollha,"qalet Marlene Mizzi.

Hija esprimiet d-diżappunt kbir tagħha għall-ambitù tar-riżultat wara l-laqgħa ta’ nhar it-Tnejn li għadda tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni.

“It-Tnejn li għadda, kulħadd kellu għajnejh fuq il-Ministri tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-Unjoni Ewropea, bi stennija li naraw l-mexxejja tal-UE  jieħdu deċiżjoni konkreta fuq din it- traġedja umana. Iżda għal darba'ohra, iċ-ċittadini tagħna baqghu ddiżappuntati ħafna bil-falliment tal-Ministri li jieħdu deċiżjoni iebsa u tinstab soluzzjoni komuni għall-kriżi għar-refuġjati,” qalet Marlene Mizzi.

“Il-Parlament Ewropew iddeċieda, u issa huwa f'idejn l-Istati Membri biex jindirizzaw is-sitwazzjoni mingħajr aktar dewmien, iżda minflok, l-Istati Membri f'daqqa waħda qed jerġgħu jintroduċu kontrolli fil-fruntieri, jheddu liż-żona Schengen u jitfgħu dubji fuq wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-Unjoni Ewropea - Il-Moviment liberu."

F'kumment, ftit wara d-diskors tagħha fil-plenarja, Marlene Mizzi qalet: "Din il-kriżi m'għadhiex problema ta' pajjiż wieħed, lanqas  problema  Ewropea biss, iżda hija problema globali.

More in Politika