
10 snin wara r-referendum, il-kaċċa fir-rebbiegħa għadha kwistjoni taħraq
Mark Sultana, Lucas Micallef, u Saviour Balzan jirriflettu dwar l-impatt tar-referendum tal-2015 u kif qegħdin l-affarijiet illum

minn Sean Fenech

Eżattament 10 snin ilu, il-poplu Malti vvota f’referendum dwar jekk għandhiex tiġi pprojbita l-kaċċa fir-rebbiegħa għall-gamiem u s-summien. Ir-referendum għadda favur il-kaċċa bi żbrixx hekk kif b’50.4% tal-votanti għażlu li jżommu l-liġi tal-kaċċa fir-rebbiegħ.
Il-persentaġġ ta' votanti kien wieħed impressjonanti, b'74.8% tal-Maltin li marru jivvotaw f'dar-referendum. Barra minn hekk, numru ta' osservaturi u esperti sostnew illi kieku mhux għall-kampanja li għamel il-prim ministru ta' Malta ta’ dak iż-żmien, Joseph Muscat, ir-referendum ma kienx jgħaddi.
Iżda l-kontribuzzjoni qawwija mill-elettorat Għawdxi kienet ukoll kruċjali biex ir-referendum jgħaddi favur il-kaċċa fir-rebbiegħa.
AQRA WKOLL: Il-Qorti Ewropea tiddikjara d-deroga ta' Malta għall-insib tal-għasafar bħala illegali
Għaddew għaxar snin, u l-kaċċa fir-rebbiegħa għadha miftuħa minkejja l-kritika qawwija ta’ BirdLife Malta u evidenza li l-popolazzjoni Ewropea tal-gamiema naqset b’mod drastiku.
Is-sena li għaddiet, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet ittra ta’ intimazzjoni—li hija ittra li tibgħat il-Kummissjoni Ewropea biex tavża stat membru tal-Unjoni Ewropea li ħa jinfetħu l-proċedimenti legali kontrih—lill-Gvern Malti għall-ġustifikazzjoni tal-ftuħ tal-istaġun.
Huwa mistenni li dalwaqt tintbagħat it-tieni ittra. Minkejja dan, il-gvern huwa ddeterminat li jħalli l-istaġun miftuħ, filwaqt li l-Oppożizzjoni tinstab siekta dwar il-kwistjoni. Għalhekk, il-futur tal-kaċċa hija biss f'idejn BirdLife Malta u ċerti sezzjonijiet tal-midja.
Mark Sultana: "Il-gamiema ma tantx sabet xorti f’Malta"

Mark Sultana, il-kap eżekuttiv ta’ BirdLife Malta u wieħed mill-figuri ewlenin fil-kampanja kontra l-kaċċa fl-2015, qal lil MaltaToday:
“Iż-żmien itir ta' veru iżda l-gamiema ma tantx sabet xorti f’Malta. Wara l-kampanja tar-referendum tal-2015, ġraw ħafna affarijiet kemm fl-immedjat kif ukoll tul dawn l-10 snin. Tajjeb li nfakkru lin-nies li r-referendum m'għaddiex b'distakk ta’ 2,200 vot biss.”
“Dal-fatt huwa terġa' aktar interessanti meta wieħed jiftakar li dan seħħ bejn żewġ elezzjonijiet ġenerali li fihom il-Partit Laburista rebaħ iż-żewġ elezzjonijiet b’aktar minn 30,000 vot kull waħda. Dan juri b’mod ċar li meta nneħħu l-politika partiġġjana, in-nies li huma kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa jiġu miż-żewġ partiti ewlenin.”
Sultana fakkar ukoll kif ftit ġimgħat wara r-referendum, l-istaġun infetaħ, iżda ingħalaq ġurnata qabel wara inċident fejn inqatel għasfur protett qrib St Edward's College f’Bormla–każ li qajjem furur kbir.
Barra minn hekk, Sultana saħaq: “L-aktar tibdil importanti wara r-referendum kien relatat mal-istatus tal-gamiem meta l-IUCN (International Union for Conservation of Nature) iddikjaratu bħala speċi fil-periklu. Dan biddel ir-regoli tal-logħba u l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fuq il-gamiem sar inaċċettabbli fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea. Peress li kien hemm indikazzjoni ċara li Malta kienet sejra fid-direzzjoni ta' konfront legali, il-Gvern ta’ Malta għażel li joħroġ moratorju fuq il-kaċċa fir-rebbiegħa tal-gamiem fl-2017. Dan kien żvilupp kruċjali fis-sens li spjega b’mod ċar li r-riżultat tar-referendum ma tax jedd totali lill-Gvern biex jiftaħ l-istaġun kull sena.”
Lucas Micallef: "Il-poplu għażel il-bilanċ flok l-estremiżmu"

Lucas Micallef, il-president tal-FKNK, insista li fl-11 ta’ April 2015, il-poplu kellu impatt sinifikanti fuq l-andament tal-pajjiż meta vvota favur li jgħaddi r-referendum biex jinżamm "l-istaġun limitat u tradizzjonali tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-gamiem u s-summien."
"Il-kampanja kienet immexxija u ffinanzjata mill-FKNK, iżda r-rebħa kienet tal-poplu Malti, li fehem li soċjetajiet demokratiċi għandhom jħarsu t-tradizzjonijiet minuri, mhux jeqirduhom."
Micallef żied jgħid, “minkejja li ffaċċjajna koalizzjoni ta’ 42 organizzazzjoni – inklużi NGOs internazzjonali, ċelebritajiet, u appoġġ mill-media – il-pubbliku għażel il-bilanċ flok l-estremiżmu. Il-vot kien viċin, imma deċiżiv. Iżda dawk li tilfu qattgħu l-aħħar 10 snin jippruvaw iħassru dak ir-riżultat.”
Micallef aċċenna għall-fatt li BirdLife Malta fetħet erba’ kawżi legali biex tipprova tipprojbixxi l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa.
“Il-Qorti ramiethom l-erba’ każijiet tal-BirdLife. Fil-fatt, l-imħallfin stess ikkundannaw dawn it-tentattivi, u qalu li dawn l-azzjonijiet tal-BirdLife huma sinjal ċar ta’ forum shopping u nuqqas ta’ rispett lejn il-proċessi demokratiċi u legali ta’ Malta.”
Saviour Balzan: "Wasal iż-żmien għal referendum ieħor"

Saviour Balzan, li kien il-kelliem ewlieni fil-kampanja ta’ għaxar snin ilu, qal li s-sondaġġi ta' dak iż-żmien kien qed juri li l-kampanja kontra l-kaċċa kienet qed tirbaħ b’madwar 7,000 vot.
"Joseph Muscat daħal fl-istorja fl-aħħar ftit biex ibiddel. Iżda biex ngħidu kollox, huwa pprova jżomm bilanċ bejn iż-żewġ naħat. Imma Robert Abela llum jidher li huwa miftuħament favur il-kaċċa, filwaqt li Bernard Grech lanqas jidher li jrid jidħol f’din il-kwistjoni."
“Joseph Muscat daħal fl-istorja fl-aħħar ftit biex ibiddel id-direzzjoni. Iżda biex ngħidu kollox, irnexxielu jibbilanċja l-interessi taż-żewġ naħat tar-referendum. Qatt ma ċeda kompletament lill-lobby tal-kaċċa. Min-naħa l-oħra, Robert Abela huwa sfaċċatament favur il-kaċċa u ma jridx ibiddel is-status quo, u Bernard Grech m’għandu lanqas farka interess biex jindirizza dan is-suġġett. Sfortunatament, issa huwa ż-żmien perfett għal referendum ieħor, imma m’iniex ċert jekk il-gruppi ambjentali għandhomx l-interess li jsegwuh.”
“10 snin ilu, MaltaToday kienet fuq quddiem nett f’dan ir-referendum, u konna wkoll fuq quddiem nett fir-referendum tad-divorzju.”
“Niftakar l-uffiċċju tagħna mimli ħajja b’attivisti u voluntiera jaħdmu l-ħin kollu fiż-żewġ referenda. Kienet esperjenza sabiħa ħafna, imma wkoll żvelat in-natura tossika tal-lobby tal-kaċċa. Il-kollega tiegħi Moira Delia għaddiet minn martirju għax ħadet sehem fil-kampanja. Il-lobby tal-kaċċa mexxa kampanja kiefra u tossika, u sabet is-sapport tal-Partit Laburista fil-gvern dak iż-żmien. Huwa wkoll minnu li fir-referendum tal-kaċċa, ħafna nies użaw il-vot bħala protesta kontra l-gvern, inkella l-parteċipazzjoni ma kinitx tkun daqstant kbira.”
“U dan kien fl-2015, fejn naħseb li l-popolarità ta’ Joseph Muscat kienet fil-quċċata tagħha u qabel ma nqala' l-kaos kollu tal-każ tal-Panama u ta’ Daphne. Kif qegħdin l-affarijiet issa, referendum biex tiġi pprojbita l-kaċċa fir-rebbiegħa jista’ jservi t'opportunità biex il-votanti jipprotestaw kontra l-gvern. U m’għandi l-ebda dubju li jkun suċċess kbir għall-lobby ambjentali.”