Erbat itfal minn Gaża jaslu Malta għall-kura medika

Il-pajjiż jilqa' tliet subien u tifla, flimkien ma' qrabathom, biex jagħtihom l-għajnuna umanitarja

(Ritratt: id-Dipartiment tal-Informazzjoni)
(Ritratt: id-Dipartiment tal-Informazzjoni)

Erbat itfal Palestinjani minn Gaża, tliet subien u tifla flimkien ma' qrabathom li qed jakkumpanjawhom, ġew Malta biex jingħataw kura medika.

Dwar dil-okkażjoni, il-Prim Ministru ta' Malta Robert Abela stqarr kif "ħa nkomplu noffru l-għajnuna umanitarja waqt li nikkonfermaw id-dedikazzjoni tagħna għall-paċi."



It-tfal waslu l-pajjiż fis-sigħat bikrin ta’ nhar il-Ħamis wara vjaġġ mil-Lvant Nofsani. Dan sar bis-saħħa tal-koperazzjoni bejn diversi entitajiet bħala parti minn inizjattiva skont il-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni Ewropea, li fiha ħa sehem ukoll id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ta’ Malta.

Il-kura medika se tingħata fl-Isptar Mater Dei minn professjonisti tas-saħħa, filwaqt li l-qraba tal-pazjenti qed jiġu ospitati mill-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li jfittxu l-Ażil (AWAS).

More in Politika