Albert Fenech mwaqqaf milli jopera f'Mater Dei

Mal-ILLUM jesprimi rabja...numru ta' pazjenti jistaqsu għalfejn

Il-Professur Albert Fenech
Il-Professur Albert Fenech

Għar-rabja ta’ bosta pazjenti li tkellmu ma’ dan is-sit il-Kirurgu u Professur  tal-Kardjoloġija Albert Fenech ġie mwaqqaf milli jopera fl-Isptar Mater Dei wara li l-kuntratt ta’ sena tiegħu ma kienx imġedded. Ma’ dan is-sit Fenech ikkonferma dan u sostna li hu qiegħed prattikament jiġi mneħħi mill-Isptar minħabba pika personali u deċiżjonijiet politiċi. Mal-illum.com.mt huwa spjega kif iċ-Ċermen tad-Dipartiment tal-Kardjoloġija Robert Xuereb kien daħal fl-uffiċċju tiegħu f’ġurnata partikolari u qallu li daqshekk se jagħmel interventi.

Mal-ILLUM Fenech m’eskludiex li jekk ma jsibx biżżejjed xogħol fil-privat hu jerġa jmur lura barra minn Malta u jkompli jipprattika hemmhekk.

Viżibilment urtat huwa spjega kif qed jintuża l-argument li huwa għalaq il-61 sena biex ma jkunx jista jibqa’ jopera, minkejja li, skontu, d-Dipartiment tal-Kardjoloġija f’Malta huwa eċezzjoni għal din ir-regola minħabba li għadu relattivament ġdid.

“L-ewwel kont imwaqqaf milli nagħmel proċeduri li jien stess kont bdejt f’Malta u li għallimt lil bosta kirurgi ġodda inkluż lil Xuereb innifsu, imbagħad naqqsuli l-operazzjonijiet minn tnejn għal waħda kuljum sakemm issa waqqfuni kompletament”, qal Fenech.  “Nħossni verament insultat u mweġġa” qal il-Professur Fenech.

L-ewwel kont imwaqqaf milli nagħmel proċeduri li jien stess kont bdejt f’Malta u li għallimt lil bosta kirurgi ġodda inkluż lil Xuereb innifsu, imbagħad naqqsuli l-operazzjonijiet minn tnejn għal waħda kuljum sakemm issa waqqfuni kompletament Il-Professur Albert Fenech

Il-pazjenti li tkellmu ma’ dan is-sit f’dawn l-aħħar siegħat wrew id-diżappunt qawwi tagħhom għat-tmiem ta’ Fenech mill-Isptar. Pazjenta partikolari esprimiet ir-rabja tagħha billi qalet illi ma tistax tiffhem “kif tidħol il-politika f’dawn l-affarijiet. Jiena Fenech iggwidani dejjem u kien sar qisu parti mill-familja kemm ili nbati b’qalbi. Issa għalfejn se jitneħħa? Min ħadha din id-deċiżjoni? Dan bniedem li għandu esperjenza kbira fil-qasam.

“Il-maġġoranza ma riedux li jinqasam id-dipartiment”

Ma’ dan is-sit Albert Fenech fakkar kif snin ilu d-Dipartiment tal-kardjoloġija u kardjo kirurġija kienu saru Dipartiment wieħed, “xi ħaġa li biha konna qed navvanzaw, hekk kif konna qed navvanzaw bil-ħatra ta’ Alex Manche bħala Ċermen tad-Dipartiment” qal Fenech. Huwa kompla jgħid iżda li minn wara l-elezzjoni ttieħedet dik li Fenech sejjaħ bħala “deċiżjoni politika”li ż-żewġ dipartimenti jerġgħu jinfirdu “deċiżjoni li ttieħdet bejn tliet irġiel biex seta’ jinħoloq post għal min ma ħax dak li xtaq” qal Fenech.

Huwa saħaq illi dawn il-bidliet fid-Dipartiment saru anke jekk “il-maġġoranza tal-konsulenti, disa’ minn ħdax, ma riedux li jseħħu dawn il-bidliet”. Wara dan jidher li r-relazzjoni bejn Fenech u Xuereb ħżienet tant li skont Fenech, sena ilu ngħatalu kuntratt li jiġġedded wara sena biex jaħdem 20 siegħa fil-ġimgħa, jkun jista jopera l-pazjenti u anke jkun fl-Outpatients. Minkejja dan ftit ilu ġie nfurmat li lanqas jopera ma jista.

Qisni mekkanik u ħaduli l-garaxx u l-għodda. Ħaduli kollox biex ma nibqax nopera. U dan wara li jien u Alex (Manche) waqqafna d-Dipartiment tal-Kardjoloġija f’pajjiżna

“Qisni mekkanik u ħaduli l-garaxx u l-għodda. Ħaduli kollox biex ma nibqax nopera. U dan wara li jien u Alex (Manche) waqqafna d-Dipartiment tal-Kardjoloġija f’pajjiżna u kburin li f’20 sena tliett pazjenti biss kellhom isiefru, kburin li għamilna l-bidliet meħtieġa f’dan il-qasam. Gvern Nazzjonalista rrikonoxxa dan, imma jidher li issa m’għadux rikonoxxut”.

Zarb Adami u Ivan Falzon huma rġiel

Minkejja r-rabja evidenti Fenech għamilha ċara li l-Kap Eżekuttiv tal-Mater Dei Ivan Falzon u d-Direttur Kliniku tal-istess Sptar Joseph Zarb Adami kienu rġiel. Mitlub minn dan is-sit jispjega għalfejn, huwa qal li għamel kuntatt mat-tnejn u li kemm Zarb Adami kif ukoll Falzon wrew l-appoġġ tagħhom lejh.

“Minkejja dan jidher li ċ-Ċermen preżenti tad-Dipartiment tal-kardjoloġija għandu ċerta saħħa u mid-dehra jista jagħmel li jrid.”

More in Politika