Jekk implimentati tajjeb, il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-settur tal-enerġija jistgħu ikunu pilastru importanti għal-ftehim dwar it-tibdil fil-klima li mistenni jiġi nnegozzjat fil-konferenza COP21 li se ssir f'Pariġi, l-Membru Parlamentari Miriam Dalli qalet.
Fl-indirizz tagħha quddiem is-seduta parlamentari tal-Parlament Ewropew fi Brussell, Dalli qalet li l-proposti ppreżentati jintroduċu kunċett ġdid, għaliex ipoġġu fil-qalba tagħhom lill-konsumaturi u lill-persuni fid-djar tagħhom li wkoll għandhom kontribut kbir x’jagħtu biex isir il-pass meħtieġ lejn enerġija aktar nadifa.
L-MPE Laburista semmiet is-sistema magħrufa bħala Emissions Trading Scheme, liema sistema tpoġġi prezz fuq it-tniġġiż li impjanti kbar jipproduċu.
Hija sostniet li din is-sistema għandha tiġi riveduta biex issir waħda li verament tinkoraġġixxi lill-industriji li l-aktar iħammġu jagħmlu xi ħaġa u jnaqqsu t-tniġġiż li jipproduċu b'mod sostanzjali.
Dalli qalet ukoll li għandha tingħata għajnuna lil industriji biex jaddattaw l-impjanti tagħhom għal enerġija aktar nadifa.
"Li l-industrija li l-aktar tħammeġ tibqa' tingħata dawk li jissejjħu ´free allowances' biex flok ibiddlu s-sistemi tagħhom jibqgħu għaddejjin qisu m'hu xejn m'hijiex is-soluzzjoni," qalet Dalli.
Miriam Dalli qalet li dan ifisser li iridu jiġu applikati u implimentati sistemi oħra ħalli nnaqsu l-emissjonijiet filwaqt li nipproteġu l-industrija fil-pajjiżi kollha Ewropej.
“Iridu nużaw is-sistemi kollha li għandna għad-dispozizzjoni tagħna biex naċċertaw ruħna li nilħqu l-miri enerġetiċi u klimatiċi tagħna, mingħajr ma ninjoraw it-tħassib tas-settur industrijali," sostniet Dalli.
"Hemm bżonn li nibgħatu messaġġ qawwi lill-pajjiżi kollha qabel il-konferenza tal-Ġnus Magħquda dwar it-tibdil fil-klima li se ssir f'Pariġi biex l-Unjoni Ewropea tibqa' minn ta' quddiem nett u timbotta għal ftehim responsabbli," temmet tgħid Miriam Dalli.