Eżodu ta' kapijiet minn Identity Malta biex jidħlu nies 'tal-qalba'

It-tgħaqqid tal-entità rat bosta kapijiet ta' dipartimenti jitilqu mill-pożiszzjoni biex jidħlu persuni fuq bażi ta' 'position of trust'

L-entità governattiva 'Identity Malta' li kienet waħda mill-ewwel ftit deċiżjonijiet li ħa dan il-Gvern, rat bosta kapijiet u diretturi ta' taqsimiet jħallu posthom jew jitilqu għal xi raġuni jew oħra u minflok jinħatru persuni oħra fuq bażi ta' 'position of trust'. Dan sar hekk kif 'Identity Malta' saret l-entità responsabbli minn diversi taqsimiet relatati mal-identità, li qabel kienu jiffurmaw dipartimenti separati bħall-programm taċ-ċittadinanza b'investiment, ir-reġistru tal-artijiet, dipartiment tal-passaporti, u l-uffiċju tal-identity management fost dipartimenti oħrajn.

Il-gazzetta MaltaToday tirraporta kif sa minn meta Joe Vella Bonnici, li kien kandidat Laburista, inħatar politikament bħala ċermen tal-entità, fl-2013, kien hemm bosta persuni li qabel kienu jmexxu d-diversi dipartiment fi ħdan l-entità li ma baqgħux jaħdmu hemm, jew talbu transfer, jew ħarġu 'boarded out', jew inkella inbidel xogħolhom fi ħdan l-istess entità.

Minflok, din l-entità rat numru kbir ta' pożizzjonijiet bħala kapijiet ta' dipartimenti, fost l-oħrajn, jimtlew b'persuni fuq bażi ta' position of trust. L-uffiċju tal-passaporti li kien jitmexxa minn Gaetano Vella, issa qed jitmexxa minn Amanda Mifsud li ġiet maħtura fuq bażi ta' 'positon of trust' u hija wkoll il-partner tal-Ministru Michael Farrugia. 

L-istess ġara f'numru ta' każi oħra, fosthom fid-dipartiment taċ-Ċittadinanza u l-Espatrijazzjoni fejn issa bħala kap hemm is-sindku Laburista tal-Imqabba u l-eks ġurnalista ta' ONE, Dr. Charlene Zammit. Bħala manager tat-taqsima tar-residenzi, inħatar ukoll Ryan Spagnol li huwa eks attivist fl-għaqda studenteska Pulse.

Matul il-ġimgħa li għaddiet, il-Gvern ċaħad allegazzjonijiet tal-Oppożizzjoni li tliet aħwa ta' Vella Bonnici ġew impjegati ma' Identity Malta.

More in Politika