Il-funtana tat-Tritoni, li issa ilha mitfija għal żmien twil, mhux se tkun lesta qabel l-2017, jiġifieri sentejn oħra. L-aħħar aħbarijiet li ħarġu dwar ix-xogħolijiet fuq din il-funtana mill-aktar ċentrali f'pajjiżna u li minn ħdejha jgħaddu eluf kbar ta' nies kuljum, hija li għandu jibda restawr fuqha. Minkejja da, fl-aħħar xhur ma deher li kien hemm ebda forma attivita' madwar il-funtana nnifisha.
Intant, ilejla fil-Parlament il-Ministru tat-Trasport u Infrastruttura Joe Mizzi qal illi bħalissa hemm seba' proġetti oħrajn li qegħdin fi stadju ta' ppjanar. Fosthom hemm ir-riġenerazzjoni tal-Foss tal-Belt, ir-restawr tal-funtana ta' Wignacourt fil-Furjana u r-rijabilitazzjoni taż-żona taħt l-arkati f'Misraħ San Ġwann, li lkoll mistejjin jkunu lesti fl-2016.
Intant il-Ministru Mizzi semma wkoll ix-xogħol li għaddej fi Strada Stretta, fejn spjega kif dan il-proġett wasal fit-tielet fażi tiegħu u se jinbeda x-xogħol quddiem Vincenti Buildings. Mizzi spjega kif l-pavimentar, li kien sar taħt amministrazzjoni Nazzjonalista se jinqala għax "ma kienx jiflaħ għall-ammont ta' traffiku li kien għaddej".
Din l-informazzjoni ngħatat mill-Ministru Mizzi għall-mistoqsijiet separati tad-Deputata Laburista Deborah Schembri