Jingħata unpaid leave mill-Gvern u jmur jaħdem mat-Times

L-id il-leminija ta’ Gonzi jinħatar senior reporter mat-Times

Leonard Callus, li għamel snin twal jaħdem mill-qrib ħafna tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, fis-segretarjati privati tiegħu, ingħata xogħol mal-ġurnal indipendenti The Times, bħala senior journalist. Filwaqt li mhux magħruf x'esperjenza għandu Callus fil-ġurnaliżmu, kien hemm reazzjonijiet differenti dwar l-għażla ta’ Callus.

 

L-ILLUM jista’ jikkonferma li Leonard Callus bħalissa qiegħed fuq unpaid leave minn mal-Gvern. Callus kien wieħed mill-aktar persuni qrib ta’ Lawrence Gonzi. Għal għaxar snin sħaħ, ħadem fis-segretarjati privati tiegħu, kemm meta kien Prim Ministru kif ukoll meta kien Ministru għall-Politika Soċjali. Flimkien ma’ Richard Cachia Caruana kien jakkumpanjah kważi dejjem f’safar li kien ikun relatat ma’ xogħol tal-Unjoni Ewropea.

Leonard Callus tant kien qrib ta’ Lawrence Gonzi li minn żmien għal żmien, kien anke jintalab biex jorganizza laqgħat privati miegħu.

Leonard Callus kien daħal jaħdem mal-Gvern bħala prinċipal fi skala 7 taċ-ċivil. Fl-2003 kien intagħżel minn Lawrence Gonzi biex mar jaħdem fis-segretarjat privat tiegħu bħala project coordinator, fl-aħħar xhur li għamel bħala Ministru għall-Politika Soċjali. Meta sena wara, Gonzi sar Prim Ministru huwa reġa’ għażlu biex ikun fis-segretarjat tiegħu l-ewwel bħala policy coordinator imbagħad bħala Deputy Chief of Staff, fejn baqa’ miegħu tul żewg leġislaturi sal-2013. B’kollox, Leonard Callus għamel 10 snin jaħdem ma’ Gonzi. Permezz tal-kariga ta’ Deputy Chief of Staff,  Callus tela’ għal skala 4 taċ-ċivil. L-ILLUM huwa infurmat li fl-2011 imbagħad ittieħdet deċiżjoni li Callus jitla' għal skala 3

Wara l-elezzjoni tal-2013 Leonard Callus mar jaħdem mal-Arkivji Nazzjonali fejn żamm paga fuq skala 4. F’Awwissu ta’ din is-sena huwa waqaf b’unpaid leave u ingħaqad mal-ġurnal The Times fejn qed jispeċjalizza fi stejjer politiċi. 

  

More in Politika