Muscat: 'Għall-ewwel darba f'20 sena reġgħu qed jiżdiedu l-pensjonijiet'

Fl-ewwel konferenza wara l-baġit imressaq mill-Gvern l-PM Muscat qal illi llum il-poplu assista għal pass ieħor fir-roadmap tal-Gvern. Huwa saħaq li dan kien baġit mingħajr skossi u uniformi mal-pjan ekonomiku ċar tal-Gvern, li qed iwassal għar-riżultati.

Joseph Muscat fakkar illi l-miżuri li ħabbar il-Gvern se jfissru €20 miljun lura fil-bwiet tal-familji u n-negozji. Huwa semma r-roħs fl-income tax u kif illum wara sentejn u nofs “kull persuna li tgħix Malta gawdiet mit-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul”.

“Għall-ewwel darba f’20 sena reġgħu bdew jiżdiedu l-pensjonijiet u għollejnihom bejn €4 u €9 fil-ġimgħa” sostna Muscat illi qal li dan il-Gvern mhux talli ma nesiex lill-pensjonanti talli qed iwieżinhom. Il-PM spjega kif il-miżuri tal-baġit bħal dik tal-pensjoni qed jgħinu biex aktar nies joħorġu mill-faqar, spjega wkoll kif miżuri oħrajn bħall-in work benefit qed jgħinu biex nies li qegħdin qrib il-faqar jingħataw spinta.

“Dan huwa l-ewwel Gvern li qed njitratta l-kwistjoni tal-bini abbandunat”, spjega Muscat illi sostna wkoll illi l-Gvern qed jibgħat sinjal li mhux se jibqa’ aċċettabbli li jkun hemm iktar bini waqt li ħafna bini ieħor jibqa’ vojt.

Dwar l-ambjent fakkar fil-miżuri tal-Gvern biex jitnaqqsu l-emissjonijiet minn karozzi antiki kif ukoll l-miżura ta’ ħlas ta’ kontribuzzjoni ambjentali mit-turisti li jżuru l-pajjiż. Semma l-investiment qawwi f’ITS ġdid.

Tkellem ukoll id-Deputat Prim Ministru Louis Grech li fakkar fil-pjanijiet tal-Gvern għal tnaqqis fid-defiċit kif ukoll il-mod ta’ kif il-Gvern qed jaħdem biex iwieżen lil min verament jinsab fil-bżonn. Huwa sostna li dan huwa baġit ta’ kredibilita’ fl-ekonomija ta’ pajjiżna.

Dwar il-miżura ta’ ħlas mit-turisti Muscat qal li d-diskussjonijiet għad iridu jsiru mal-lukandiera biex ikun ċar kif se tkun qed tinġabar. Għamilha ċara illi l-miżura hija ndirizzata lejn it-turisti aktar milli lejn dawk il-maltin li jqattgħu xi żmien f’lukanda f’Malta stess.

Dwar ir-roħs tal-petrol u d-dijżil il-PM qal illi taħt dan il-Gvern l-argument huwa ta’ kemm se jorħos, kuntrarjament għal qabel, meta minkejja r-roħs fiż-żejt xorta kien jibqa’ għoli l-fjuwil.  Muscat fakkar kif il-politika ta’ dan il-Gvern hija waħda ta’ stabilita’.

 

More in Politika