Fir-risposta tiegħu għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni, l-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li l-ekonomija illum hija l-aktar b'saħħitha li qatt kienet f'20 sena. "Illum nitkellmu dwar kemm tak u mhux niddiskutu kemm ħadlek il-Gvern" qal Muscat għall-approvazzjoni tal-Membri Parlamentari Laburisti.
"Naqqasna l-qgħad fl-inqas livelli fi żmien, qed nippremjaw il-bżulija u qed ngħinu lil min hu l-aktar fil-bżonn biex għall-ewwel darba f'20 sena stajna nibdew nżidu il-pensjonijiet. Aħna ma nemmnux fil-politika tal-għira" kompla jgħid Muscat illi fakkar kif il-familji u n-negozji jafu li l-baġit huwa parti minn pjan u minn roadmap. "Ma nagħmlux baġit iebes u ieħor iebes imbagħad niftħu jdejna għax tkun ġejja elezzjoni" sostna Muscat.
Huwa jfakkar kif il-Gvern tal-lum qed jonfoq 38% aktar fl-edukazzjoni, qed jonfoq €525 miljun u 'l fuq minn €100 miljun aktar minn Gvern Nazzjonalista. Muscat fakkar kif fi tliet xhur li Simon Busuttil kien Viċi Kap tal-PN id-dejn kien qed jiżdied b'€100 miljun fix-xahar, b'differenza li llum id-dejn nieżel kif qed jonqos ukoll id-defiċit.
"Lil uliedna u ulied uliedna ġid xi jgawdu irridu nħalulhom mhux dejn"
Intant il-Prim Ministru dar ukoll fuq numru ta' miżuri fosthom it-tnaqqis fit-taxxa għal persuni bi dħul baxx u medju kif ukoll l-fatt li, kuntrarjament għal qabel, persuni bl-aktar dħul baxx ma baqgħux iħallsu taxxi. Semma r-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma u qal illi "bħalissa ninsabu fit-tielet sena ta' Alice in Wonderland".
"Għaliex ma raħħastuhomx intom il-kontijiet meta kontu fil-Gvern la qed tgħidu li r-roħs kien grazzi għalikhom?" staqsa Muscat li fakkar illi l-prezz medju taż-żejt taħt il-PN kien $93-il barmil u kien darba biss illi l-prezz laħaq il-$140-il barmil. Issa l-prezz huwa $87-il barmil "ma kienx 25% inqas, imma l-kontijiet xorta raħħasniehom daqshekk"