Anton Refalo jiċħad li qatt kien kontra l-mina

Il-Ministru għal Għawdex qal li kien ikwotat ħażin dwar il-link permanenti

Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo

Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo ċaħad li qatt kien kontra l-link permanenti bejn Malta u Għawdex u li kien ikkwotat ħażin meta erba' snin ilu qal li ma kienx konvint u kellu 'r-riżervi' tiegħu dwar il-proġett.

Dan ġie rrappurtat fit-Times of Malta, meta qalet kif fl-2011, fiż–żmien meta Refalo kien kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex, huwa kellu d-dubji tiegħu dwar il-proġett tal-link permanenti.

Refalo kien qed jiġi kwotat jgħid li, "dan jista' jħassar il-benefiċċji li jgawdi minnu Għawdex u anke jkollu jaqsam l-isptar tiegħu mar-residenti tal-Mellieħa." Dan meta il-Partit Nazzjonalista, dak iż-żmien fil-Gvern, kien ippropona li ż-żewġ gżejjer jingħaqdu b'mina taħt il-baħar.

Meta mistoqsi dwar jekk għadx għandu riżervi dwar il-proġett illum il-ġurnata li l-Partit Laburista qal li se jkun qed iħares lejn il-mina bħala l-proġett ta' link bejn iż-żewġ gżejjer, Refalo qal li erba' snin ilu kien ikkwotat ħażin u dak li deher li ntaql minnu, ma kienx korrett, u meħud barra mill-kuntest.

Minkejja dan Refalo qal li hu minn dejjem kien favur link permanenti bejn Malta u Għawdex u li kien qal erba' snin ilu kien li jrid jassigura li s-servizzi offruti lill-Għawdxin, ma jintmessux. "Ma nixtieqx li Għawdex isir villaġġ ieħor f'Malta," temm jgħid il-Ministru.

Intant, tista' ssegwi intervista sħiha mal-Ministru għal Għawdex Anton Refalo u mal-kelliem għal Għawdex tal-Oppożizzjoni, Chris Said, dwar il-link permanenti bejn il-gżejjer, fil-ħarġa ta' għada tal-gazzetta ILLUM.

More in Politika