Bejn Simon u Joseph, min kien l-aħjar?

Analiżi tad-diskorsi ta’ Muscat u Busuttil. Fejn Kienu b’saħħithom l-aktar, u fejn le?

 

Din il-ġimgħa, il-poplu segwa liż-żewġ mexxejja politiċi jirreaġixxu għall-baġit u bħalma jiġri dejjem, tibda analiżi dwar min miż-żewġ mexxejja tkellem l-aħjar, min għafas l-aħjar ‘buttuni’ politiċi u min qed jipproġetta lilu nnifsu bħala l-aħjar mexxej tal-pajjiż għall-futur. L-ILLUM tagħmel analiżi oġġettiva ta’ fejn iż-żewġ mexxejja rnexxielhom ‘jirbħu’ lil dawk li kienu qed isewgu, fejn ma impressjonawx, u forsi, fejn wasslu biex saħansitra dejqu lill-poplu hemm barra li sentejn u nofs oħra jeħtieġ jiddeċiedi min minnhom it-tnejn huwa l-aħjar.

Joseph Muscat: L-ekonomija u l-politika tal-għira

Joseph Muscat jibqa’ rival politiku formidabbli għal kwalunkwe Kap tal-Partit Nazzjonalista. Huwa definitivament ass li l-Partit Laburista kien ilu ma jkollu għal żmien twil. Il-mod kif jitkellem u jwassal il-messaġġ tiegħu, probabbilment jinżel tajjeb ħafna ma’ firxa wiesgħa ta’ nies, nażżardaw ngħidu l-maġġoranza tal-votanti, anke llum, f’nofs leġiżlatura. Naturalment imma Joseph tal-elezzjoni, mhux l-istess wieħed tal-lum u għandu kemm għandu ħila jwassal il-messaġġ u juża r-retorika biex jirbaħ l-argument, illum ir-riżultati tal-pajjiż qed ikunu fattur kruċjali li jiddeterminaw jekk fil-fatt l-argument jirbħux jew le.

Għalhekk, Muscat jitwemmen ħafna iktar meta d-diskors politiku jaqa’ fuq l-ekonomija. B’riżultati ferm pożittivi u ċertifikat wara ieħor li Malta sejra tajjeb, Muscat qed iħoss li l-ottimiżmu ekonomiku jista’ jkun dak ir-riħ fil-qala li jista’ jwassallu l-bastiment għal rebħa oħra. Id-diskors ta’ Muscat, meta tkellem dwar ir-riżultati ekonomiċi, kien pjuttost enerġetiku u li jżommok tisma’. Għalfejn? Għax mhux mibni biss fuq retorika imma fuq statistika fattwali. Anke meta tkellem dwar il-miżuri tal-baġit, li kienu ġeneralment milqugħin b’mod pożittiv ħafna, Muscat kellu l-lussu li jdur miżura miżura, jispjega kif dawn se jaffetwaw lin-nies, u għalhekk jipproġetta lilu nnifsu bħala l-aktar wieħed mill-mexxejja qrib il-bżonnijiet tal-ħaddiem, tan-negozjant, tal-lukandier, tal-iżviluppatur u tas-self employed fl-istess ħin. Id-diskors ta’ Muscat xi ftit jew wisq għadu jirrifletti l-abbiltà ta’ dan il-politiku li jirrifjuta li jitfa’ lilu nnifsu f’kompartament politiku jew ideoloġiku u għalhekk jibqa’ jattira appoġġ, minn dawk li jaqilgħu l-inqas u l-foqra, sa dawk li jmexxu negozji li qed jagħmlu suċċess sa dawk li jaħdmu u waslu fil-ħajja u għalhekk jgħixu komdi.

F’oqsma oħrajn iżda, ir-retorika ma kinitx biżżejjed biex taħbi l-fallimenti tal-Gvern preżenti. Dwar it-trasport pubbliku, il-Prim Ministru ma kien konvinċenti xejn. Probabbilment, jaf li l-poplu mhu kuntent xejn bis-servizz u mhux se jimpressjona lilu nnifsu bil-kliem sabiħ. Bil-kliem sabiħ mhux se naslu kmieni x-xogħol. Għalkemm jaf ma tiswilux elezzjoni, is-sitwazzjoni fit-trasport pubbliku diġà xkupat il-kredibbiltà ta’ wieħed mill-Ministri tiegħu barra l-bieb.

Lanqas imppressjona lil dawk li qed jaraw diżinteress totali minn dan il-Gvern fil-qasam tal-ambjent, għax ngħiduha kif inhi, wara protesti u oppożizzjoni qawwija mill-‘lobby’ ambjentali dwar iż-Żonqor, wieħed kien jistenna bil-wisq aktar enerġija u pjanijiet f’dan ir-rigward. Forsi l-Prim Ministru, ximkien f’dawn is-sentejn u nofs iddeċieda li bil-voti ħodor u mingħajrhom xorta se jibqa’ Kastilja.

Il-Prim Ministru ma kienx b’saħħtu lanqas meta akkuża lil Busuttil b’politika ta’ għira, b’referenza għal-listi sħaħ ta’ persuni li l-PN ilu jitkellem dwarhom u li skontu, saru sinjuri mil-lejl għan-nhar. Il-PN illum qed juża l-istess kejl u riga li kien juża l-Partit Laburista lura fl-Oppożizzjoni meta kien itambar dwar “il-ħbieb tal-ħbieb,” “il-konsulenzi li ħadu n-Nazzjonalisti,” u l-kampanja sħiħa ta’ kemm ħadu żieda l-Ministri. Jiġifieri Muscat m’għandux jippretendi li l-istess riga mhux se tintuża fuqu.

Finalment, f’mumenti minnhom Muscat deher wisq kondixxenti lejn ir-rival politiku tiegħu, xi ħaġa li tista ġġib tbissima meta tiġri darba iżda jekk tiġri wisq drabi waqt dibattitu, tist’a tkun interpretata bħala arroganza.

Simon Busuttil: Meta se jsir PM prospettiv?

Simon Busuttil ingrana sew minn meta sar kap tal-PN, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dibattiti u diskorsi. Kuntrarjament għall-ewwel ftit xhur fil-kariga, Busuttil għandu preżenza akbar meta jitkellem u huwa definittivament aktar interessanti llum li tisma’ lill-Kap tal-PN milli qatt qabel.

Definittivament Busuttil huwa l-aktar b’saħħtu meta jikkritika lill-Gvern dwar il-meritokrazija, it-trasport pubbliku u l-ambjent, li ironikament huma l-aktar setturi li dwarhom, dan il-Gvern qed jaqla’ ħafna kritika. Jgħid x’jgħid il-Partit Laburista dwar il-passat, ladarba tela’ bl-għajta tal-meritokrazija, din l-għajta kellu jżomm magħha, jew tal-inqas jidher li qed iżomm magħha. Il-Kap tal-PN qiegħed jirkeb fuq il-karru tal-‘Laburist ġenwin’ u ‘l-Laburist mweġġa’’ u juża pagi, konsulenzi u kuntratti li jlaħħqu l-eluf ta’ ewro fix-xahar li wħud minnhom mhux ġustifikati, biex jgħawwar fil-ferità ta’ dawk li ġustament jew le, jgħidu li għadhom qed ibatu minn inġustizzja. Li jinsa jsemmi hawn Busuttil, huwa li jekk verament qed jemmen li dawn in-nies saret inġustizzja magħhom, dik l-inġustizzja saret minn Gvern Nazzjonalista, probabbilment anke matul iż-żmien li hu kien Viċi Kap tal-Partit.

Fl-ambjent, Busuttil huwa b’saħħtu, sforz il-fatt li Muscat tant hu dgħajjef. Minkejja dan, wieħed irid jammetti li l-PN taħtu qed jagħmel sforzi qawwija biex jipprova jinża l-libsa tal-partit tal-ispekulaturi u jagħti lill-PN dehra iktar ‘ħadra’. Passat u mhux passat, il-fatt li anke f’diskorsu Busuttil jidher li qed jaħdem qatigħ biex jibni pontijiet ġodda ma’ ħafna li jħossu li l-ambjent huwa importanti daqs, jekk mhux iktar, mill-ġenerazzjoni tal-flus, huwa pass li jista’ jissarraf f’numru sostanzjali ta’ voti ġodda.

Naturalment, Busuttil ma setax kien iktar preċiż meta tkellem dwar it-trasport pubbliku. Forsi vera, l-eżempju tal-mara mill-Isla kien xi naqra mġebbed wisq u farsesk lejn l-aħħar, imma jibqa’ l-fatt li l-imejl li qara dwar mara li damet ħafna tivvjaġġa lejn San Pawl il-Baħar hija realtà. ‘Imma l-PN kif jista jitkellem meta l-Arriva kienet fjask?’, ikun hemm min jirrimarka. Jista’ jkun li vera, imma żgur li huwa veru li miż-żewġ mexxejja kien Busuttil l-aktar li ressaq l-argument tan-nies fil-Parlament. 

Min-naħa l-oħra iżda, id-diskors kien dgħajjef l-aktar għax kien kważi kompletament nieqes minn alternattivi u minn proposti konkreti li jistgħu jolqtu lin-nies fil-laħam il-ħaj. Il-fatt li kemm qed taqla PR ta’ Ministru jieħu, jew jidher li qed jieħu preċedenza fuq miżuri mmirati li jqajmu l-ekonomija, fuq dibattitu san dwar l-edukazzjoni u fuq il-bżonnijiet fil-qasam tas-saħħa ma jawgurawx tajjeb għall-Kap tal-Oppożizzjoni.

Busuttil kien ikun ħafna iktar kredibbli u kien jipproġetta lilu nnifsu ħafna aħjar kieku semma l-pagi u l-bażużliżmu li xtaq isemmi, imma mbagħad mexa b’mod veloċi u b’passjoni akbar fuq kwistjonijiet li verament jagħmlu d-differenza. Fuq kif se nkomplu niġġieldu l-faqar, fuq kif Gvern tal-PN se jkompli jgħin u jinkoraġixxi lin-negozji, fuq ideat ġodda u friski biex uliedna u ulied uliedna jibqa’ jkollhom edukazzjoni inklussiva u tal-aqwa kwalità. Kien ikun qed jipproġetta lilu nnifsu ta’ Prim Ministru ħafna iktar kieku uża l-enerġija li uża biex jattakka lir-rivali tiegħu, biex jibda jagħti l-ewwel togħma ta’ kif hu, jekk elett fit-tmun, se jkun qed isostni s-settur turistiku bi pjan aktar ħolistiku, ta’ niċeċ ekonomiċi ġodda li jrid joħloq u ta’ kif se jsostni b’kontinwità investimenti fil-qasam tas-saħħa li dan il-Gvern qed jattira.

Busuttil reġa’ kien dgħajjef, għallinqas ma’ dawk li mhumiex akkanitissimi, ukoll fl-argument kważi assolutist tiegħu li kull mhu tajjeb hu frott tal-PN u kull mhu ħażin hu frott dan il-Gvern. Din hija linja ta’ argument li ma jreġix u li jfakkar lil ħafna fl-attitudni arroganti u sens ta’ superjorità li kellu l-istess partit ftit qabel ma sofra l-akbar telfa elettorali fl-istorja politika moderna.

Busuttil jidher li għadu maqbud ġo każin metaforiku Nazzjonalista u iktar kemm idum hemmhekk jipprietka lill-konvertiti, anqas se jkollu opportunità li jkabbar iċ-ċans tiegħu li jippenetra b’mod li jhedded, il-fortizza ta’ appoġġ li bena Muscat.

 

More in Politika