Investiment ta’ €60 miljun fid-distribuzzjoni tal-elettriku
Se jkunu inawgurati żewġ ċentri ta’ distribuzzjoni f’Manoel Island u Pembroke
minn Albert Gauci Cunningham
Il-pjanijiet tal-Enemalta biex tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fl-inħawi tal-Gżira, Tas-Sliema, l-Imsida u l-inħawi għaddej b’rittmu mgħaġġel ħafna, dan filwaqt li fix-xhur li ġejjin l-Enemalta mistennija tinawgura żewġ ċentri tad-distribuzzjoni ġodda f’Manoel Island u fiż-żona ta’ St Andrew’s, f’Pembroke.
Iż-żewġ ċentri tad-distribuzzjoni jagħmlu parti minn proġett estensiv b’investiment ta’ €60 miljun bil-għan li tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku tal-pajjiż. Għalkemm il-bini ta’ dawn iċ-ċentri beda taħt il-Gvern preċedenti fl-2014, il-kumpanija provdiet ir-riżorsi meħtieġa biex dawn iż-żewġ ħoloq importanti fid-distribuzzjoni tal-elettriku jitlestew mill-aktar fis.
Il-kumpanija qed tiżviluppa dawn iċ-ċentri tad-distribuzzjoni biex tikseb il-flessibbiltà u l-kapaċità teknika meħtieġa u tkompli ttejjeb is-servizzi tal-elettriku lill-klijenti tagħha f’din iż-żona, li rat żviluppi residenzjali u kummerċjali kbar f’dawn l-aħħar snin. B’dawn iż-żewġ proġetti, mistennija jitnaqqsu n-numru ta’ drabi u d-dewmien fil-qtugħ tal-provvista tal-elettriku f’dawn l-inħawi, f’każ ta’ xi ħsara jew aċċident.
F’kummenti ma’ dan il-ġurnal, il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi fakkar kif l-Enemalta se tkun qed tinvesti mas-€60 miljun għat-tliet snin li ġejjin biex issaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni. “L-investiment li qed nagħmlu fid-distribuzzjoni huwa meħtieġ peress li fl-aħħar snin, l-Enemalta ftit li xejn investiet biex issaħħaħ il-flessibilità tas-sistema tad-distribuzzjoni,” qal Mizzi li fakkar ukoll kif dan l-investiment se jsir wara li Shanghai Electric Power investiet fl-Enemalta, “biex minn kumpanija falluta, l-Enemalta qed terġa’ tqum fuq saqajha u tkun mutur fl-ekonomija Maltija.”
Minn kumpanija falluta, l-Enemalta qed terġa’ tqum fuq saqajha u tkun mutur fl-ekonomija Maltija
Matul il-ġimgħat li għaddew l-Enemalta bdiet xogħol ta’ tħaffir ta’ trinek u tqegħid ta’ high voltage cables fil-Gżira u l-Kappara biex tkun tista tissupplixxi l-elettriku fiċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni ta’ Manoel Island. Qed jiġu mgħoddija wkoll għadd ta’ cables oħrajn biex ikomplu jsaħħu s-sistema tad-distribuzzjoni fl-inħawi.
Xogħol ta’ mmodernizzar fiċ-ċentru tal-Mellieħa
Fiċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-Mellieħa, li nbena fl-1973, l-Enemalta qed twettaq xogħol ta’ tkabbir u mmodernizzar biex dan jilqa’ għaż-żieda fid-domanda tal-elettriku f’din il-lokalità u f’għadd ta’ lokalitajiet oħrajn. Fost oħrajn, se jinbidlu ż-żewġ transformers ma’ oħrajn ġodda li se jirduppjaw il-kapaċità ta’ dan iċ-Ċentru. Peress li ilu jopera għal 42 sena se jinbidel ukoll l-11kV switchgear biex ikun jista’ jlaħħaq b’mod aħjar mal-iżviluppi kbar li kien hemm fl-inħawi mill-1973 sal-lum.
Minbarra l-Mellieħa, dan iċ-Ċentru jissupplixxi l-elettriku fiċ-Ċirkewwa, il-Marfa, Selmun, il-Mistra, ix-Xemxija, il-Manikata, iż-Żebbiegħ, l-Imġarr, San Pawl il-Baħar, il-Baħrija, Binġemma, u l-Imtaħleb.
Aktar stabbiltà elettrika permezz ta’ ċentru fix-Xewkija
Intant, dan il-Gvern għaddej ukoll bil-proġett ta’ bini taċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-elettriku fix-Xewkija li huwa meħtieġ biex titjieb il-flessibbiltà u l-affidabbiltà tas-servizzi tal-elettriku f’Għawdex. Permezz tiegħu, l-Enemalta se tkun tista’ tiżgura aktar stabbilità fis-servizzi tal-elettriku tagħha lill-klijenti tagħha fuq din il-gżira.
Bħalissa l-infrastruttura tal-elettriku f’Għawdex tiddependi għal kollox mill-uniku Ċentru tad-Distribuzzjoni li hemm fil-Qala. Barra minn hekk, iċ-ċentru tad-distribuzzjoni l-ġdid se jilqa’ għall-ħtiġijiet tal-elettriku ta’ Għawdex fis-snin li ġejjin. Se jiżdied, fost oħrajn, it-tielet transformer li jniżżel l-elettriku minn 33kV għal 11kV, biex jiżgura li f’każ ta’ xi ħsara f’xi wieħed mit-transformers l-oħra, il-provvista tal-elettriku f’Għawdex tkun tista’ tibqa’ għaddejja.
L-Enemalta bdiet xogħol ta’ tħaffir ta’ trinek u tqegħid ta’ high voltage cables fil-Gżira u l-Kappara biex tkun tista’ tissupplixxi l-elettriku fiċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni ta’ Manoel Island
L-iżvilupp ta’ dan iċ-ċentru wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu hekk kif kmieni s-sena d-dieħla mistennija jibdew l-aħħar testijiet biex ikun jista’ jibda jopera sa qabel is-sajf. Iċ-Ċentru se jinkludi fih żewġ 30 MVA 33/11kV transformers, 33kV switchgear biex jikkontrolla l-provvista tal-elettriku li tasal f’Għawdex permezz ta’ 33kV cables mgħoddija f’qiegħ il-baħar u 11 kV switchgear li jikkontrolla l-cables li jwasslu l-elettriku fl-inħawi kollha tal-gżira. Se tiddaħħal ukoll faċilità li permezz tagħha l-provvista tal-elettriku f’Għawdex tkun tista’ tinqaleb bejn iż-żewġ ċentri tad-distribuzzjoni skont il-ħtieġa u d-domanda.