Rata inqas ta’ taxxa fuq l-extra duty tal-pulizija mill-1 ta’ Jannar
Il-miżura mħabbra fil-budget ta’ rata inqas ta’ taxxa għall-extra duty tal-pulizija se tkun qed tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2016. Dan ikkonfermah il-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela waqt żjara fl-għassa tal-Mosta li kellu dalgħodu ma’ pulizija stazzjonati f’dan id-distrett. Għaldaqstant flok ir-rata kurrenti ta’ madwar 25% li tvarja skont id-dħul u l-istat tal-individwu, il-membri tal-korp se jibdew jiġu intaxxati bi 15% għal dan it-tip ta’ xogħol.
Il-Ministru Abela qal li huwa kkalkulat, li permezz ta’ din il-miżura, dawk il-pulizija li jagħmlu numru konsiderovoli ta’ extra duty se jkunu qegħdin jibbenefikaw minn madwar €390 aktar fis-sena kull wieħed. Dan ifisser żieda konsiderevoli fil-pakkett finanzjarju tal-pulizija.
Il-Ministru Abela tkellem kif dan huwa eżempju ieħor minn kullana ta’ inizzjattivi mmirati biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-pulizija. “Impenjati sabiex b’għemilna nkomplu nirrikonoxxu s-servizz li intom toffru għas-sigurtà taċ-ċittadini”, qal il-Ministru għall-Intern.Il-membri preżenti li tkellmu mal-Ministru qalu li din il-miżura ntlaqgħet b’mod pożittiv mill-membri tal-korp għaliex turi l-apprezzament lejn il-bżulija ta’ ħidmiethom. Qalu kif rata inqas ta’ taxxa fuq dan it-tip ta’ xogħol ilha snin mistennija u se sservi bħala inċentiv biex tħeġġeġ aktar pulizija jipparteċipaw f’ħidma relata ma’ extra duty.
Preżentament hemm aktar minn 420 membru tal-korp li huma intitolati biex jagħmlu dan it-tip ta’ xogħol. Huwa stmat li l-maġġoranza tal-extra duty ssir grazzi għal xogħol f’fergħat ta’ banek, fil-grawnds tal-futbol u attivitajiet sportivi oħrajn, tiġijiet, ċelebrazzjonijiet privati u anke attivitajiet privati tal-kunsilli lokali li jinkorporaw id-distretti kollha. Kull pulizija li hu interessat jagħmel extra duty jkun mitlub li jirreġistra mas-sezzjoni tar-Riżorsi Umani tal-Pulizija.