Il-Gvern bħalissa jinsab f'diskussjonijiet mal-linja tal-ajru tal-Abu Dhabi Etihad, biex din tkun is-sieħeb strateġiku tal-Airmalta, anke jekk il-Gvern qed jinsisti li se jkun hu li jżomm il-maġġoranza tas-sehem tal-kumpanija Maltija. Dan kien żvelat fuq il-ġurnal Maltatoday tal-lum li spjega kif sorsi qalu illi bħalissa Etihad qed titlob informazzjoni dwar il-linja nazzjonali tal-ajru, bħan-numru ta' impjegati u nefqa f'pagi.
L-Etihad, waħda mill-ikbar linji tal-ajru fid-dinja, hija magħrufa għall-fatt li tidħol fi ftehim strateġiċi li jfissru s-salvazzjoni ta' linji tal-ajru żgħar u medji li jkunu għaddejjin minn ċerti problemi finanzjarji.