Alfred Sant, il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew qal li l-ebda pajjiż waħdu jew l-ebda kontinent waħdu ma jista’ jiffaċċja waħdu l-isfidi tal-immigrazzjoni. Il-Grupp S&D (Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi Ewropej) ta prominenza lil din id-dikjarazzjoni ta’ Alfred Sant, lejlet is-Summit ta’ Malta dwar l-Immigrazzjoni. Dr. Sant qal li soluzzjoni Ewropea għall-kriżi tal-immigrazzjoni iffokata biss fuq il-bini ta’ ħitan u deportazzjonijiet sfurzati mhux it-tweġiba għall-kriżi li għandna quddiemna. ‘Irridu nibnu alleanza strateġika bejn iż-żewġ kontinenti tagħna li tgħinna niġġieldu lit-traffikanti tal-bnedmin, tgħinna noħolqu rotot bla xkiel u bla perikli għal immigrazzjoni legali u nindirizzaw il-kawża tal-kriżi tar-rifuġjati – il-faqar u l-konflitti.’ saħaq Alfred Sant.
Huwa simboliku li s-summit dwar l-immigrazzjoni se ssir f’Malta, li għal sekli twal kienet il-mogħdija bejn l-Ewropa u l-Afrika. Din il-pożizzjoni dehret ċara fl-aħħar snin b’żjieda fl-għadd ta’ rifuġjati li waslu Malta mill-Afrika ta’ Fuq fi triqithom lejn il-kontinent tal-Ewropa, qal Dr. Sant.