Żieda ta' 31% f'barranin li jfittxu protezzjoni f'Malta

60% minnhom kienu ċittadini Libjani ...il-Ġermanja tilqa' l-akbar numru t'applikazzjonijiet għall-protezzjoni...il-Finlandja rat żieda ta' 615%

60% ta' dawk li talbu protezzjoni f'Malta kienu Libjani
60% ta' dawk li talbu protezzjoni f'Malta kienu Libjani

Skont l-aħħar statistika maħruġa mill-Eurostat Malta rat żieda ta' 31% fin-numru ta' dawk il-barranin li talbu protezzjoni mill-Gvern Malti. Fil-fatt skont l-istess statistika, din is-sena, sa' Lulju,  kien hemm b'kollox 955 talba, bin-numru ta' talbiet ikun dejjem madwar, jew ftit aktar minn 100 fix-xahar.

L-akbar numru ta' talbiet, jiġifieri 60% kienu ġejjin minn ċittadini Libjani, b'13% ikunu minn ċittadini Sirjani u 5% minn persuni mill-Ukrajini. L-akbar żieda fin-numru ta' persuni li kienu qed jitolbu protezzjoni internazzjonali kienet fil-Finlandja, fejn ikien hemm qabża  ta' xejn inqas minn 615%, bil-maġġoranza ta' dawk li jitolbu protezzjoni f'dan il-pajjiż ikunu Iraqqini. Il-Ġermanja baqgħet l-aktar pajjiż Ewropew illi laqgħet talbiet ta' persuni li kienu qed ifittxu protezzjoni bit-total jitla għal 288,740. L-akbar persentaġġ, jew 24%, ġejjin mis-Sirja.   

B'kollox kien hemm żieda ta' 2.5% fin-nies li talbu protezzjoni f'pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, b'5% minnhom ikunu minuri mhux akkumpanjati.

More in Politika