Meta indirizza lill-Kamra tar-Rappreżentanti, l-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem b'mod ċar kontra l-politika ta' numru ta' pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li għal dawn l-aħħar snin ilhom jinkoraġġixxu biex il-finanzi, jiġifieri l-baġit, ta' pajjiż stat membru jaqa' taħt ir-responsabilita' diretta tal-Unjoni Ewropea. Filwaqt li tkellem dwar l-Ewropeiżmu ta' Malta, bħalissa fost l-aqwa pajjiż fl-Ewropa fl-oqsma tal-ekonomija u drittijiet ċivili, għamilha ċara wkoll li dan ma jfissirx li l-Gvern se jaqbel f'kollox u ma kull idea fl-UE. "Id-deċiżjonijiet fiskali għandhom jibqgħu f'idejn il-pajjiżi. Fl-ebda ċirkustanza, spjega Muscat, Malta mhu se taċċetta li titlef il-jedd li tiddeċiedi l-indipendenza finanzjarja tagħha."
Huwa qal ukoll li ma nistgħux naqblu ma' sistema ta' aktar flessibilita' barra ż-żona ewro u inqas fiż-żona ewro. "Mingħandi se jkollkhom dejjem ċarezza ta' argumenti".
Intant Muscat beda d-diskors tiegħu billi tkellem dwar is-sitwazzjoni u tkabbir ekonomiku li qed jara pajjiżna bħalissa. Semma r-rata ta' qgħad f'Malta, li hija fost l-inqas f'pajjiżna, defiċit li qiegħed dejjem jonqos u Prodott Domestiku Gross li qiegħed jikber b'5%, fost l-aqwa tkabbir ekonomiku fl-Ewropa. Muscat semma t-tnaqqis fil-kontijiet tal-enerġija, iż-żieda tal-pensjonijiet u anke t-tnaqqis fit-taxxa li dan il-Gvern seta' jwettaq minħabba li l-ekonomija Maltija bħalissa għaddejja minn tkabbir qawwi ħafna. Huwa tkellem ukoll dwar programmi biex aktar nisa joħorġu jaħdmu u s-sens qawwi ta' femminiżmu fit-tmexxija ta' dan il-Gvern fosthom bi President mara u anke iktar nisa fid-dinja tax-xogħol u fil-Maġistratura.
Il-Prim Ministru semma wkoll il-bidliet soċjali li ġab dan il-Gvern fosthom b'liġi tal-Ġeneru li bosta pajjiżi Ewropej qed jħarsu lejha għax hija fost l-ewwel fil-kontinent, kif ukoll il-liġi tal-Unjoni Ċivili li tat drittijiet ġodda li l-pajjiż kien ilu jiddiskuti.