Marlene Mizzi - Il-Valletta Summit għandu jipprovdi soluzzjonijiet konkreti

"Aħna kkonċentrajna wisq li nsolvu l-problemi wara li l-migranti jaslu fl-Ewropa. Irridu nsibu soluzzjonijiet għalihom fil-pajjiżi tagħhom stess

l-MPE LaburistaMarlene Mizzi
l-MPE LaburistaMarlene Mizzi

Ftit wara l-bidu tal-EU- African Summit fil-Belt Valletta, dwar il-kriżi tar-refuġjati, l-MEP tal-Partit Laburista Marlene Mizzi stqarret li l-aspettattivi tagħha fuq dan is-summit huma mimlijin tama izda ukoll realistici. Il-Valletta summit ser tgħaqqad flimkien aktar minn 40 kapijiet ta' stati Afrikani u Ewropej biex jiddiskutu l-kriżi tal-migrazzjoni.

"Minix nistenna li mill-Valletta Summit ser tinħareġ soluzzjoni maġika għall-problema tal-migrazzjoni. Iżda qed nistenna li aktar milli niddiskuti din il-problema bejnietna, dan is-summit ikun l-ewwel pass lejn kooperazzjoni aħjar u djalogu politiku miftuħ bejn l-Ewropa u l-pajjiżi Afrikani", qalet Mizzi.

Madankollu, fi stqarrija qawwija fis-sessjoni plenarja ta' Strasburgu f'Ottubru, bi tħejjija għal Valletta Summit, l-MEP Mizzi kienet diġà ħeġġet lill-Istati Membri u l-pajjiżi Afrikani biex jużaw l-EU African Summit, bħala pjattaforma biex tigi żviluppata strateġija fit-tul, biex jinstabu soluzzjonijiet konkreti fil-ġlieda kontra l-kawżi tal-migrazzjoni fl-oriġini taghhom. "Jekk jingħataw futur aħjar fil-pajjiżi tagħhom stess, dawn il-persuni mhux ser ikunu aktar mġiegħla jaħarbu minn djarhom. Aħna kkonċentrajna wisq li nsolvu l-problemi wara li l-migranti jaslu fl-Ewropa. Irridu nsibu soluzzjonijiet għalihom fil-pajjiżi tagħhom stess sabiex ma jkollhomx raguni ghalfejn jitilqu. "

"Il-mod 'il quddiem huwa permezz ta' ko-operazzjoni aħjar mal-imsieħba tagħna Afrikani. Dan is-summit huwa opportunità unika biex nirriflettu fuq ir-rwol importanti ta' Malta f'din il-kriżi iżda wkoll għandu jressaq rispons internazzjonali ġenwin billi jkun hemm qbil għal strateġija fit-tul li tittratta l-kawżi tal-migrazzjoni ", qalet Marlene Mizzi.

 

More in Politika