Ir-rapport tal-PN ‘Ekonomija għan-nies’...Kliem sabiħ....imma kliem biss?
Analiżi dwar ir-rapport ekonomiku tal-PN
minn Albert Gauci Cunningham
Matul din il-ġimgħa il-Partit Nazzjonalista ippublika rapport bl-isem ‘Ekonomija għan-nies’, bil-Kap tal-PN Simon Busuttil, waqt it-tnedija tiegħu nhar it-Tlieta li għadda jgħid li din kienet ġurnata importanti għall-Oppożizzjoni, “li qed toħroġ bi proposti ekonomiċi konkreti” u li b’inizjattivi bħal dawn, “qed nibnu Gvern alternattiv li joffri ideat ġodda.”
Imma kemm, verament, huma inovattivi u ġodda l-ideat li ħareġ bihom il-PN f’dan ir-rapport? Kemm, fil-verità, dan ir-rapport qiegħed, “imexxi trasformazzjoni ekonomika li fiha, l-ekonomija tagħna tkun verament taħdem għan-nies u mhux tikkmandalhom ħajjithom,” kif sostna Busuttil? U din l-istqarrija xi tfisser? L-ekonomija sservik mhux tisserva bik, tista’ tinstema bħala poeżija f’widnejn dawk l-eluf li sal-lum għadhom mhux qed iħossu l-ġid ekonomiku tal-pajjiż f’buthom. Imma, fil-prattika u lil hinn mill-paroli, dan kif se jissarraf f’fatti?
Il-gazzetta ILLUM evalwat ir-rapport li ppubblika l-PN u qasmet id-diversi punti li hemm f’uħud mill-prioritajiet, msemmijin fl-istess rapport, fi tliet kategoriji: dawk l-ideat li huma innovattivi u li forsi s’issa ftit li xejn smajna dwarhom u għalhekk hemm lok għal diskussjoni aktar wiesa, ir-retorika u allura dawk il-proposti li huma tqal fil-kliem imma ħfief fis-sustanza, u l-irriċiklati, jew dawk il-proposti li jew il-Gvern preżenti ilu jitkellem dwarhom jew inkella kunċetti industrijali li ilhom jitħaddmu f’pajjiżna minn żmien gvernijiet tal-PN fid-90s.
L-Innovattiv fir-rapport tal-PN (in box border light green)
- Minnu nnifsu, ir-rapport huwa inovattiv għax juri li l-PN qed ikun Oppożizzjoni attiva u mhux passiva. Ir-rapport huwa preżentat, kemm fid-dehra kif ukoll fil-lingwaġġ użat, b’mod professjonali ħafna.
- Miżura biex permezz ta’ ħidma mal-privat isir programm ta’ skemi li jgħin persuni bi qliegħ baxx, biex iżidu l-qliegħ tagħhom skont kemm jipproduċu.
- Taxxa ambjentali fuq negozji li tkun tvarja skont in-numru ta’ impjegati li tħaddem, il-valur miżjud, l-ispazju mibni u l-ħsara f’emissjonijiet ikkawżati mill-intrapriża.
- Tariffi inqas tal-MEPA għal żviluppi kummerċjali f’żoni diġà mibnija u bil-ħolqien ta’ żoni ħodor.
- L-Istitut tal-Bini fl-MCAST isir akkademja ddedikata għall-industrija tal-kostruzzjoni b’ċertifikazzjoni f’livelli differenti.
- Tingħata għajnuna lill-industrija tal-kostruzzjoni, bil-kundizzjoni li l-kumpaniji jaderixxu ma’ ċerti prattiċi ambjentali.
- Il-mina bejn Malta u Għawdex tkun parti minn sistema ħafna ikbar ta’ mini taħt l-art madwar il-pajjiż.
- Għajnuna ta’ 40% mill-ispiża ta’ proġett innovattiv li jitwettaq minn kumpanija żgħira li ilha topera inqas minn seba’snin
- Appoġġ lill-intrapriżi soċjali speċjalizzati, speċjalment fil-qasam tas-saħħa.
Ir-rapport tal-PN, meqjus bħala l-bażi li fuqu se jkun imfassal il-programm elettorali għall-elezzjoni li jmiss, isejjaħ għal riforma radikali fis-settur pubbliku, mibnija fuq il-bażi ta’ riżultati aħħarin u s-servizz li jkun qed jingħata l-poplu. Minkejja li l-idea hija waħda pożittiva, settur pubbliku li huwa ċċentrat madwar il-bżonn tal-klijent, ilu fuq l-aġenda issa. Il-PN jeħtieġ ikun ċar u jgħid x’jiġri f’każi fejn il-livelli tas-servizz ma jintlaħaqx. Se tkun introdotta sistema fejn min ma jipproduċix jingħata twissijiet u, f’każi estremi, anke jitkeċċa mix-xogħol, bħal ma jiġri fis-settur privat? Jew se nibqgħu b’settur pubbliku mtaqqal b’ħatriet politiċi ta’ nies li jħossu li ħobżhom maħbuż, sakemm il-partit li jappoġġjaw jibqa’ fil-poter?
Punt ieħor ta’ interess u li jista’ jqajjem diskussjoni, huwa dak fejn il-PN qed jipproponi li ‘l-ispazji kummerċjali, residenzjali u ta’ divertiment jitħalltu flimkien bl-aħjar mod.’ S’hawn kollox sew, imma mbagħad il-proposta tkompli tgħid hekk: ‘potenzjalment nestenduhom lejn lokalitajiet li huma kummerċjalment kwieti.’
Xi jfisser eżattament dan il-punt? Ifisser li se nkunu qed nieħdu komunitajiet kummerċjali u ta’ divertiment lejn il-qalba ta’ ċerti rħula li s’issa dejjem tħallew liberi minn kull attività li tista’ toħloq storbju u inkonvenjent? Il-PN jeħtieġ ikun ċar dwar dawn il-kunċetti li fuq il-karta jidhru sbieħ, imma fil-prattika, biex twettaqhom, trid tħabbat wiċċek ma’ interessi qawwijin residenzjali.
Dwar il-bżonn ta’ integrazzjoni għall-immigranti u li nevitaw ‘ghettos’ fil-komunitajiet tagħna, il-PN żgur qed imiss punt li jaqbel miegħu kulħadd. Imma lil hinn mir-retorika, kif se nintegraw il-komunitajiet tagħna aħjar? Kif se nwaqqfu lill-komuntajiet sħaħ ta’ Maltin milli jitilqu minn ċerti żoni urbani, għax sempliċiment ma jridux jgħixu f’toroq fejn hemm ħafna barranin?
Jekk hawn xi ħadd li qed jiddubita dan nistiednu jipprova jbiegħ proprjetà f’ċerti żoni f’Buġibba, l-Marsa u Ħal Far. Għax jekk il-maġġoranza tal-Maltin lanqas jgħixu ħdejn Afrikani ma jridu, aħseb u ara kemm se jkunu lesti li jintegraw. Kif se jbiddel din ix-xejra Gvern tal-futur?
Punt ieħor li jagħmel ħafna sens fil-proposti tal-PN huwa l-bżonn li ‘l-konservazzjoni tal-ilma tkun ċentrali fil-politika dwar is-sostennibbiltà.’ Imma lil hinn minn dan il-bżonn ovvju l-PN jeħtieġ jikkommetti ruħu bl-aktar mod ċar u b’miżuri speċifiċi, kontra dawk il-persuni li qed jabbużaw mir-riżorsa tal-ilma għax itellgħuh permezz ta’ boreholes mingħajr ma jħallsu għall-użu, minn dawk li qed jieħdu l-ilma bil-bawżers mingħajr ma jħallsu l-prezz vera tal-ilma u favur liġijiet, li jkunu infurzati, ta’ ġbir ta ilma, anke fuq livell domestiku.
- Investiment privat fis-saħħa u l-edukazzjoni, partikolarment bl-użu ta’ bini dilapidat – Il-Gvern ħabbar investiment privat f’San Luqa.
- Appoġġ għal Creativity Clusters. – Il-Gvern preżenti ħabbar Design Cluster bħala parti minn żona ta’ kreattività fin-naħa t’isfel tal-Belt.
- Ningaġġaw f’aktar rotot (titjiriet) biex nespandu l-konnessjoni ta’ Malta madwar id-dinja – Il-Gvern għaddej b’diskussjonijiet għal sieħeb strateġiku mal-Air Malta u aktar kumpaniji tal-ajru qed jibdew itiru minn u lejn Malta.
- Malta ssir ċentru għall-konferenzi kbar u avvenimenti globali – Pajjiżna għadu kemm ospita l-Valletta Summit u ċ-CHOGM.
- Appoġġ u tkabbir tal-Marsa Maritime Hub – Huwa proġett u kunċett li beda taħt din l-amministrazzjoni.
- Bidla minn manifattura ta’ fabbriki kbar li jipproduċu bil-massa għal negozji speċjalizzati – Iċ-ċaqliqa lejn negozji speċjalizzati ilha li bdiet żmien. Ħadd m’għadu jitkellem dwar fabbriki kbar, li jipproduċu bil-massa.
- Inċentivi għall-iżvilupp tal-privat li qed ifittex mudelli simili għal dak ta’ Smart City – Il-kunċett ta’ Smart City ma tantx kien xi suċċess. Ikun aħjar li nevalwaw x’seta’ mar ħażin milli nippruvaw noħolqu Smart Cities oħrajn.
- Kodiċi ta’ etika għas-suq tal-proprjetà – Il-Gvern preżenti ħabbar li se ssir White Paper dwar dan is-suq.
- L-espansjoni tal-art permezz tar-riklamazzjoni – Il-Gvern preżenti qed jistudja l-possibilità ta’ riklamazzjoni. L-ambjentalisti qed jopponu.