"L-istqarrija tas-Segretarjat ma hi xejn ħlief theddida għall-awtonomija tal-Kunsill”
Is-sindku ta' San Pawl il-Baħar tgħid li Buontempo u Brincat kienu mistiedna għal ftuħ u dawn fl-ebda ħin ma nfurmawha li din il-launch ma setgħetx issir
minn John Busuttil
Is-sindku ta’ San Pawl il-Baħar tirribatti l-alegazzjonijiet ta’ Buontempo
B'referenza għall-istqarrija maħruġa mis-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali Graziella Galea, is-sindku ta’ San Pawl il-Baħar qed tirribatti l-allegazzjonijiet kollha mqajjma fl-istess stqarrija. Hi qalet li mhux minnu li l-Kunsill daħal fi ftehim illeċitu ma' terzi.
Il-perit Graziella Galea kompliet tgħid li fix-xahar ta' Ottubru, il-Kunsill ġie ppreżentat bi proposta minn kumpannija privata li offriet inizjattiva li permezz tagħha jekk wieħed jarmi l-fliexken tal-plastik f'din il-magna, jingħata voucher. “L-offerta ta' din il-kumpanija ġiet meqjusa bħala waħda ta' benefiċċju għall-Kunsill u dan peress li se sservi biex teduka lin-nies tal-lokalita' u eventwalment tgħin biex jitnaqqas l-iskart iġġenerat u iżżid ir-riċiklaġġ.
“Mhux minnu dak li ngħad fl-istqarrija li dan huwa proġett ta' immaniġjar ta' skart. Dan il-proġett jikkonsisti f'kampanja edukattiva favur l-ambjent. L-iskart sejjer jibqa' jiġi immaniġjat skond l-iskemi dettati fil-Memo 28/2010 maħruġ mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali. U għaldaqstant dak li hemm fil-liġi, u li msemmi fl-istqarrija, il-Kunsill kien u ser jibqa' jagħmlu. Minbarra din il-liġi, li jidher ċar li mhux qiegħda tinkiser, fl-istess stqarrija, imkien ma jiġi kkwotat liema liġi qiegħda tinkiser, u lanqas qatt il-Kunsill ma ġie nfurmat li ser ikun qiegħed jikser xi liġi permezz ta' din l-inizjattiva għalkemm il-Gvern ilu ġimgħat nfurmat bil-ħsieb li kellu l-Kunsill Lokali. Wieħed ukoll jistaqsi x'inhi l-politika nazzjonali fid-dawl tal-fatt li l-Kunsill Lokali qiegħed jiġi akkuzat li zvija minn din l-istess politika.”
Rigward l-allegazzjoni li l-Kunsill injora l-liġijiet tal-public procurement, Graziella Galea qalet li għandu jingħad li dan mhux minnu lanqas u dan għaliex il-Kunsill mhux qiegħed iħallas ta' dan is-servizz. Dan is-servizz qed jingħata b'xejn. Tant hu hekk li fl-ebda ħin ma l-Kunsill ġie nfurmat dwar issues ta’ procurement mill-Gvern jew mid-Dipartiment. “Barra minn hekk dan is-servizz ma jeskludix li kumpanija jew kumpaniji ohra joffru dan is-servizz jew servizzi simili. Fil-fatt għal launch ta’ din l-inizjattiva kien hemm ukoll prezenti rapprezentant tal-Wasteserv. l-Kunsill jikkunsidra kull inizjattiva li tkun favur l-ambjent. Dan ngħidu fid-dawl tal-fatt ta’ figuri li ħarġu dan l-aħħar. San Pawl il-Baħar hi l-iktar lokalita' f'Malta u Għawdex li tiddisponi skart permezz tal-borza s-sewda, bl-ammont ilaħħaq 44,000 tunnelata bejn l-2010 u Ottubru 2015. Minn naħa l-oħra, il-ġbir ta' skart riċiklabbli permezz tal-borza griza, għall-istess perijodu kien biss 1,900 tunnellata f'San Pawl il-Baħar. Birkirkara, għalkemm kwazi bl-istess popolazzjoni u b'popolazzjoni ferm inqas fiz-zmien tas-Sajf, ġabret 4,000 tunnellata ta' skart riċiklabbli, u allura iktar mid-doppju tal-iskart riċiklabbli miġbur f'San Pawl il-Baħar. Għaldaqstant mizuri li jzidu l-iskart riċiklabbli u jnaqqsu l-iskart mormi fil-borza s-sewda iservu biss ta' ġid għar-residenti, għall-ambjent u għal pajjizna.
“Ninstab ferm sorpriża għal kontenut ta' l-istqarrija mahruga mill-Gvern u dan għaliex waqt li l-Kunsill kien qiegħed jinnegozja tali ftehim saħansitra kien f'komunikat mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali. Wara li l-Kunsill semma l-posizzjoni tiegħu, il-Kunsill ġie nfurmat li dan il-kaz ser jgħaddi għand il-Monitoring, izda fl-ebda ħin ma ġie nfurmat li sakemm ikun hemm deċizjoni mill-Monitoring il-Kunsill ma għandux jibqa' għaddej b'din l-inizjattiva, u fil-fatt la l-Kunsill ma reġa sema' xejn mid-Dipartiment, kompla għaddej bl-inizjattiva.
“Barra minn hekk kemm l-Onor. Buontempo u kif ukoll l-Onor. Brincat kienu mistiedna ghall-launch tal-progett. L-Onor. Buontempo informa lill-Kunsill li ma jiflaħx u l-Onor. Brincat wieġeb li ġie infurmat f'qasir żmien u li kellu impenji oħra. Wieħed kien jistenna li wara li rċevew l-invit, kellhom jieħdu l-inizjattiva biex jinfurmaw lill-Kunsill li din il-launch ma għandiex issir jew għandha tiġi posposta. L-Onor. Buontempo kien wera interess li issir laqgħa bejn il-partijiet iżda l-Kunsill Lokali ghadu qieghed jistenna, iktar minn xahar wara, li tali laqgħa ssir.
“Wieħed jiskanta wkoll kif il-Gvern dam ġimgħa wara l-launch uffiċjali biex joħroġ stqarrija dwar dan il-kaz, għalkemm kien infurmat ferm qabel bin-negozjati, u kellu jkun artiklu fuq il-gazzetta The Times biex il-Gvern joħroġ kontra din l-azzjoni, azzjoni li ġiet imfaħħra minn kulħadd inkluz kunsilli lokali ohra. Ta’ min jgħid ukoll li l-istudenti tal-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar urew ħeġġa kbira għal din l-inizjattiva li ċertament biha nistgħu nkomplu nħajru iktar tfal u zgħazagħ japprezzaw l-importanza tal-ambjent f’pajjizna.
“Għal dawn ir-raġunijiet inħoss illi l-istqarrija tas-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali hija infondata u hija purament intiża sabiex toħloq dell ikraħ fuq il-Kunsill u t-tmexxija tiegħu.”