Ir-Radikalizazzjoni trid tiġi miġġielda bl-edukazzjoni - Marlene Mizzi
Organizazzjonijiet terroristiċi jappellaw għal żgħażagħ bla impenn u ta' livell baxx ta' edukazzjoni
More in Politika
Organizazzjonijiet terroristiċi jappellaw għal żgħażagħ bla impenn u ta' livell baxx ta' edukazzjoni
L-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi fi ħdan il-partit tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, hija konvinta li l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja sfida serja kontra l-fenomenu ta' radikalizzazzjoni 'home-grown. Hija tal-fehma, li l-radikalizzazzjoni u l-għadd kbir ta' terroristi Ewropej u 'foreign fighters', speċjalment fost ċerti gruppi marġinalizzati, hija theddida serja għas-sigurtà interna u għas-soċjetà tagħna u għaldaqstant teħtieġ attenzjoni immedjata.
"Il-fatt li t-terroristi kienu kollha ċittadini Ewropej, għal darb’oħra turi biċ-ċar it-theddida mmedjata għas-sigurtà li tirriżulta mir-radikalizazzjoni u r-reklutaġġ ta' ċittadini Ewropej minn organizzazzjonijiet terroristiċi. Hemm bżonn li nifhmu aħjar dan il-fenomenu ġdid u nidentifikaw malajr soluzzjonijiet sostenibbli li jsaħħu inklużjoni soċjali għaż-żgħażagħ u nevitaw ir-radikalizzazzjoni vjolenti billi naġġustaw il-politiki fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kultura," qalet l-MEP Mizzi.
Marlene Mizzi attendiet għall-ewwel laqgħa tal-Kumitat Inter-parlamentari dwar iż-Żgħażagħ u l-Edukazzjoni organizzata mill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni flimkien mal-Membri tal-Awli u l-Parlamenti Nazzjonali. Fid-dawl tal-attakki terroristiċi riċenti, l-enfasi prinċipali tal-laqgħa interparlamentari indirizzat il-problema tar-radikalizzazzjoni permezz tal-edukazzjoni u l-kultura.
Mizzi ikkummentat li l-kriżi ekonomika laqtet liż-żgħażagħ b'mod partikolarment ħarex. "Rati għolja tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, li jilħqu sa 40% f'xi Stati Membri aljenaw żgħażagħ żvantaġġati tas-soċjetà tagħna. Mingħajr opportunitajiet u impjiegi, minghajr l-ebda impenn, iż-żgħażagħ huma aktar vulnerabbli u suxxettibbli li jiġu attirati lejn l-eċitament apparenti ta’ reklutaġġ minn organizzazzjonijiet terroristiċ" qalet l-MEP Mizzi.
Marlene Mizzi hija tal-fehma li l-Ewropa għandha bżonn tindirizza l-inugwaljanzi u aspetti soċjali li jkomplu jxekklu l-opportunitajiet ta' ġenerazzjonijiet żagħżugħa. L-Ewropa u l-Istati Membri tagħha għandhom bżonn li jtejbu d-djalogu interkulturali u interreliġjuż u izidu l-involviment attiv taż-żgħażagħ fil-ħajja soċjali tal-komunitajiet tagħna.
"Is-sistema edukattiva hija wisq formali, tikkonċentra prinċipalment fuq eżamijiet u l-miri li jilħqu. Għalkemm dan huwa importanti, daqstant huwa importanti li mmorru lil hinn mill-klassi u li jiġu introdotti metodi ta' tagħlim alternattivi u f'ambjent edukattiv li jgħin liż-żgħażagħ jiksbu ħiliet u kompetenzi bażiċi tal-ħajja. Dan huwa meħtieġ għall-iżvilupp personali tagħhom, għall-impjieg fil-futur u ċ-ċittadinanza Ewropea attiva. Irridu niżguraw li ż-żgħażagħ tagħna, irrispettivament mir-razza jew reliġjon, ikunu involuti fl-istudju jew taħriġ jew f’xogħol stabbli. ‘Ix-xitan isib xogħol għall-idejn għażżiena’ qed tiġri tabilħaqq għas-spejjeż tas-sigurtà u l-paċi ta' moħħ iċ-ċittadini tagħna. Irridu nirreaġixxu b'urġenza," temmet tgħud Mizzi.