Il-PN ħareġ stqarrija iffirmata minn Clyde Puli Kelliem tad-Drittijiet taċ-Ċittadin li tgħid li Reno Bugeja flok talab skuża għan-nuqqas gravi li għamel meta għażel li ma jirrappurtax it-theddid tad-Deputat Laburista Joe Debono Grech fil-Parlament, il-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS ħareġ stqarrija li fiha qed jikkonferma li ma jinteressah xejn mid-deċiżjoni tal-Awtorita’ tax-Xandir.
Clyde Puli kompla jikteb li Fl-istqarrija tiegħu, il-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS Reno Bugeja ddefenda l-għemil gravi tiegħu billi qal li “l-Awtorita’ tax-Xandir ma ordnat l-ebda rimedju f’dan il-każ”. "Dawn it-tip ta’ stqarrijiet jikkonfermaw kemm it-tmexxija tal-aħbarijiet tal-PBS m’għadiex kredibbli. Ma jeżisti l-ebda rimedju għal nuqqas ta’ xandir ta’ aħbar li ġrat 3 ġimgħat ilu. Ir-rwol tal-Kap tal-Aħbarijiet kien li jagħmel dak li suppost jagħmel, u mhux li jibqa’ jgħatti l-aġir tal-Gvern. Il-verita’ hi waħda: il-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS Reno Bugeja ħeba t-theddid ta’ Debono Grech fil-Parlament u dan hu r-riżultat tal-manipulazzjoni tal-aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali. Kif reġa’ ġara din il-ġimgħa stess meta l-aħbar tat-300 sensja mid-De La Rue nbidlet f’waħda ta’ investiment għall-PBS."