Il-kunsilliera tal-belt jikkundannaw lil kunsillier Ray Azzopardi

Dan poġġa l-arma Nazzjonalista fuq il-facebook tiegħu bil-kliem IS IS taħtha

Waqt seduta tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li saret din il-ġimgħa, il-kunsilliera qablu li jesprimu kundanna għal dak li għamel wieħed mill-kunsilliera tal-istess Kunsill Lokali, is-Sur Raymond Azzopardi meta fuq Facebook għażel li jxerred ritratt tal-arma tal-Partit Nazzjonalista imma flok l-ittri “PN” kien hemm mikutb l-ittri “IS IS” bil-kuluri iswed u abjad. Dan b’referenza ċara għall-grupp terroristiku, ISIS. Mar-ritratt, il-kunsillier kiteb ukoll “dawn għandna għalfejn nibżgħu minnhom”.

Il-Kunsilliera tal-Belt Valletta qablu ukoll li jikkundannaw kummenti oħra miktuba mis-Sur Azzopardi stess fuq Facebook meta qal li “Nemmen li lanqas tal-ISIS stess ma jaħdmu kontra pajjiżhom b’mod kif jaħdmu l-PN meta jkunu fl-Oppożizjoni...” b’referenza ċara li qed jgħid li l-PN u għar mill-ISIS. 

Permezz ta’ din il-kundanna, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta irid jagħmilha ċara li dawn it-tip ta’ kummenti m’għandhom ikunu aċċettati qatt u fil-konfront ta’ ebda mill-partiti politiċi. Għaldaqstant il-Kunsiill Lokali tal-Belt Valletta qiegħed jiddisjoċċa ruħu minn dak li għamel is-Sur Azzopardi u jagħmilha ċara li ma jaqbilx miegħu. Fl-istess waqt il-Kunsill Lokali jfakkar li fl-isfond tal-aħħar żviluppi b’rabta mal-attakki terroristiċi mill-ISIS, il-post li xerred is-Sur Azzopardi hu insensttiv u jweġġa’ lill-kunsilliera l-oħra fl-istess Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u li jagħmlu parti mill-Partit Nazzjonalista u għaldaqstant hu insult u disprezz għall-maġġoranza rappreżentattiva tar-residenti Beltin f’dan il-Kunsill Lokali.

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta jappella biex kull kunsillier ta’ kull partit politiku f’pajjiżna, għandu jkun responsabbli f’dak li jgħid u jagħmel speċjalment b’kummenti li jistgħu iweġġaw lil sezzjoni oħra tal-istess lokalitá jew soċjetá.

More in Politika