[Aġġornata] Il-PN jakkuża lill-Ispeaker li prova joħloq sensazzjoni kontra l-PN
Anġlu Farrugia jgħid li Busuttil kien infurmat minnufih bl-istess investigazzjoni
More in Politika
Anġlu Farrugia jgħid li Busuttil kien infurmat minnufih bl-istess investigazzjoni
L-Ispeaker Anġlu Farrugia fi stqarrija li titratta l-aħħar żvikuppi fil-każ tax-xufier tal-Kap tal-Oppożizzjoni ċċara li huwa kien ta struzzjonijiet biex jinbdew l-investigazzjonijiet ferm qabel ma tressqet il-mozzjoni mill-Kap tal-Oppożizzjoni biex skont l-Ordnijiet Permanenti 62 tikkontesta deċiżjoni tas-Sedja u allura qabel ukoll il-pubblikazzjoni mill-Partit Nazzjonalista tar-rapport dwar governanza korretta.
L-Ispeaker Farrugia ċċara wkoll li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kien infurmat minnufih meta bdiet issir din l-investigazzjoni u jirringrazzjah tal-koperazzjoni sħiħa li sab min-naħa tiegħu sabiex tinġabar l-informazzjoni. L-Ispeaker Farrugia jżid jgħid li d-deċiżjoni li ssir Inkjesta Maġisterjali kienet tal-pulizija u mhux fuq talba tiegħu.
Intant Il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija illi fiha fakkar kif il-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu spjega pubblikament li l-uffiċċju tiegħu kkopera bis-sħiħ għal kull talba għal informazzjoni li saru sa minn ġimgħatejn ilu. Dan minkejja li l-Uffiċċju tal-Ispeaker kellu l-informazzjoni kollha dwar l-użu u l-konsum tal-karozza tal-Kap tal-Oppożizzjoni mill-bidu nett għax il-karozza hija proprjeta’ tal-Parlament. U allura diffiċli wieħed jifhem kif l-Uffiċċju tal-Ispeaker stenna sentejn u nofs biex jiċċekkja kemm qed jintuża fuel meta kellu l-informazzjoni mill-bidu nett.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni fl-ebda mument ma ġie mgħarraf mill-Ispeaker li l-kwistjoni ġiet irrappurtata lill-Pulizija jew saħansitra mgħoddija għal inkjesta maġisterjali. Wieħed kien jistenna li l-Ispeaker kien jinforma lill-Kap tal-Oppożizzjoni li kien se jgħaddi l-kwistjoni lill-Pulizija b’akkuża serja ta’ natura kriminali, u mhux jibqa’ għaddej minn wara dahar l-Oppożizzjoni.
L-istqarrija ttemm tgħid illi l-Ispeaker għoġbu joħloq sensazzjoni, kumbinazzjoni wara li l-Oppożizzjoni kkontestat ir-ruling tiegħu u kumbinazzjoni l-għada li l-Kap tal-Oppożizzjoni ppreżenta l-aktar dokument dwar governanza tajba ambizzjuż li qatt ġie ppreżentat